Il-klabb Ingliż ta’ Manchester Utd baqa’ jokkupa l-ewwel post f’dik li hi klassifika tal-klabbs bl-akbar dħul finanzjaru matul l-istaġun 2016-17.
Din il-lista ġiet ippublikata mill-kumpanija finanzjarja Deloitte. Din hi l-10 darba li Man Utd qed jokkupaw l-ewwel post ta’ din il-lista hekk kif is-sena li għaddiet huma kellhom dħul ta’ 676 miljun ewro, 1.7 miljun ewro aktar minn Real Madrid, tim li fl-2017 rebaħ ħames titli maġġuri fosthom iċ-Champions League u l-kampjonat Spanjol.
Matul l-istaġun 2016-17 Man Utd rebħu tliet tazzi, iċ-Charity Shield, il-League Cup u l-Europa League. Grazzi għas-suċċess li kisbu fl-Europa League r-Red Devils ikkwalifikaw għaċ-Champions League, anke jekk fil-kampjonat ma spiċċaw mal-ewwel erba’ timijiet.
Jum qabel ma ġiet ippublikata din il-lista Man Utd ħabbru l-akkwist tal-attakkant Alexis Sanchez mingħand Arsenal u dan il-plejer mistenni jsir l-aktar plejer imħallas fil-Premiership.
Barcelona, wieħed mill-ekstimijiet ta’ Sanchez jinsabu fit-tielet post f’din il-klassifika tad-dħul finanzjarju li kellhom il-klabbs.
It-tim Katalan irreġistra dħul ta’ 648.3 miljun ewro, anke jekk matul is-sena li għaddiet rebaħ biss it-Tazza tar-Re. Wara Barcelona hemm Bayern Munich li rreġistraw dħul ta’ 587.8 miljun ewro filwaqt li warajhom hemm żewġ klabbs Ingliżi, Manchester City u Arsenal.
Fis-seba’ post ta’ din il-klassifika hemm PSG, li minkejja li nefqu s-somma rekord ta’ 222 miljun ewro biex jakkwistaw lill-attakkant Neymar, xorta waħda rreġistraw dħul ta’ 520.9 miljun ewro.
Juventus, champions tal-Italja u finalisti telliefa tal-aħħar edizzjoni taċ-Champions League huma l-ewwel tim Taljan f’din il-klassifika. Huma jinsabu fl-10 post bi dħul ta’ 405.7 miljun ewro. Napoli, tim Taljan ieħor li attwalment jinsab fl-ewwel post fis-Serie A qegħdin fid-19-il post ta’ din il-klassifika bi dħul ta’ 200 miljun ewro.
It-tielet tim Taljan f’din il-lisa hu dak ta’ Inter. Huma rreġistraw dħul ta’ 262 miljun ewro filwaqt li r-rivali tagħhom Milan m’humiex inklużi mal-ewwel 20 klabb.
Milan kienu t-tieni l-aktar klabb wara PSG li nefqu flus fis-suq tat-trasferimenti, b’nefqa ta’ €235 miljun fis-sajf li għadda. Ta’ min jiftakar li huma jistgħu ma jitħallewx jikkompetu fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA mill-istaġun li ġej. Dan għaliex huma baqgħu ma kkonvinċewx lill-UEFA dwar l-infiq tal-flus tagħhom u l-proġett finanzjarju li investew fih iċ-Ċiniżi.
Jidher li AC Milan ibbażaw id-dħul tagħhom fuq ir-rebħ u s-suċċessi biss, xi ħaġa li fil-preżent jinsabu ferm ’il bogħod minnha.
Chelsea, it-tim li matul is-sena li għaddiet rebaħ il-Premiership qegħdin fit-tmien post ta’ din il-klassifika. It-tim immexxi minn Antonio Conte rreġistra dħul ta’ 428 miljun ewro.
Fid-disa’ post ta’ din il-klassifika wieħed isib lil Liverpool li ftit tal-ġimgħat ilu għadhom kemm biegħu lill-playmaker Philippe Coutinho għas-somma ta’ 161.8 miljun ewro lil Barcelona.
Ta’ min jinnota li fil-klassifika tal-2016/17, l-ammont totali ta’ dħul tal-20 klabb kiber b’7.9 biljun ewro. Minn dawn l-20 klabb 10 minnhom huma Ingliżi.
Id-dħul li rreġistraw il-klabbs:
1. Manchester United – 676.3
2. Real Madrid – 674.6
3. Barcelona – 648.3
4. B.Munich – 587.8
5. Man City – 527.7
6. Arsenal – 487.6
7. PSG – 486.2
8. Chelsea – 428
9. Liverpool – 424.2
10. Juventus – 405.7
11. Tottenham – 355.6
12. B.Dortmund – 332.6
13. A.Madrid – 272.5
14. Leicester – 271.1
15. Inter – 262.1
16. Schalke 04 – 230.2
17. West Ham Utd – 213.3
18. Southampton – 212.1
19. Napoli – 200.7
20. Everton – 199.2