Lokali

Il-Gvern abbanduna l-professjonisti tal-kura fl-FSWS u qed ibatu il-ħaddiema u l-vulnerabbli

Wara ġimgħatejn ta’ azzjonijiet industrijali ordnati mill-union tal-ħaddiema, il-Gvern ma jistax jibqa jinjora t-talbiet tal-professjonisti tal-kura fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) għaliex qed ibatu l-ħaddiema u fl-aħħar se jbatu wkoll dawk l-aktar vulnerabbli. L-inċertezza li qed joħloq il-Gvern fi ħdan l-FSWS qiegħdha biss tiggrava s-sitwazzjoni.

Saħaq dan il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli.

Clyde Puli saħaq li l-professjonisti fil-qasam tal-kura u assistenza bħalma huma social workers, psikologi, psikoterapisti, counsellors. community workers, youth workers, support worker, terapisti tal-familja kif ukoll uffiċjali tal-amministrazzjoni tal-FSWS,  jixirqilhom l-appoġġ u l-impenn sħiħ tal-Gvern, mhux biss b’rikonoxximent lejn il-professjoni tagħhom iżda fuq kollox b’rispett lejn dawk li huma jaqdu b’tant dedikazzjoni.

Clyde Puli qal li l-Gvern għandu jieqaf jissara mal-ħaddiema tal-FSWS u jpoġġi qabel kollox l-interess ta’ dawk li jfittxu s-servizzi tal-fondazzjoni. Dan huwa qasam delikat li jaffettwa firxa sħiħa ta’ familji fis-soċjetà tagħna, u għalhekk il-Gvern għandu jitratta n-negozjati dwar il-ftehim kollettiv ġdid b’dinjità u mingħajr tkaxkir tas-saqajn.