Disa’ persuni baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti l-għada tar-rewwixta f’ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi. Immigrant ieħor għadu ma tressaqx il-qorti minħabba li għadu rikoverat l-isptar.
L-akkużati huma erba’ Tuneżini, Eġizzjan, Sirjan, Marokkin, Iraqqin u Libjan.
Il-Qorti min-naħa tagħha ordnat li l-immigranti llegali jinżammu fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin biex ma jkollhomx kuntatt mar-residenti l-oħra taċ-ċentru. Għall-akkużati dehru l-avukati Helga u Edward Buttigieg.
Kien għall-ħabta tat-tmienja tal-bieraħ filgħaxija, il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, Special Intervention Unit u l-Għassa tal-Żurrieq ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom ġewwa Safi Barracks, Ħal Kirkop.
Il-Pulizija marru fuq il-post fejn irriżulta li kienet qed issir rewwixta minn grupp t’immigranti irregolari u anke saret xi ħsara fil-post.
Għaxar immigranti rregolari li kienu qed jieħdu sehem f’din ir-rewwixta ġew arrestati u ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali għal iżjed stħarriġ, fejn wieħed mill-arrestati ta’ nazzjonalita’ Palestinjana allegatament m’obdiex l-ordnijiet sabiex issir tfittxija fuq il-persuna tiegħu, bħala parti mill-proċedura tal-Pulizija u kien ukoll kien aggressiv fil-konfront tagħhom.
Iżjed tard ir-raġel Palestinjan ittieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi peress li kellhom isirulu xi punti fuq in-naħa ta’ wara ta’ widintu.
B’rabta ma dan l-inċident, bħala proċedura, infetħet inkjesta mill-Maġistrat Grazio Mercieca, kif ukoll investigazzjoni interna.
//= $special ?>