Internazzjonali

Jonqos l-inkwiet dwar tsunami għall-Alaska

L-awtoritajiet Amerikani neħħew allert dwar tsunami ta’ potenzjal devastanti ftit sigħat wara li terremot li rreġistra 7.9 fuq l-Iskala Richter laqat zona ‘il hinn mill-kosta tal- Alaska.

L-epiċentru tat-theżżiża kien irreġistrat 25 kilometru taħt l-art lejn ix-xlokk ta’ Kodiak, bis-servizzi meteoroloġiċi tal-Istati Uniti joħorġu twissija dwar mewġ kbir potenzjali —  effettiva għall-kosta tal-Alaska u l-British Colombia.

Kien hemm ukoll indikazzjonijiet ta’ mewġ għoli f’Seward, Old Harbor, Sitka u Yakutat (Alaska), bl-awtoritajiet fiz-zoni tal-West Coast fl-Istati Uniti ikunu wkoll fuq allert għall-possibbiltà tat-tsunami.

Uffiċjali fl-inħawi ta’ Anchorage, f’Alaska, qabel kienu  referew għal theddida straordinarja għall-ħajja u l-proprjetà. L-allert ħeġġeġ lin-nies biex ifittxu l-kenn fl-ogħla artijiet taz-zoni affettwati.

Intant, l-awtoritajiet, għalissa, qed iżommu ‘livell ta’ allert bażiku’ għan-nofsinar tal-Alaska u bnadi tal-kosta mal-Paċifiku. It-twissijiet għat-tsunami preċedenti kienu kanċellati għall-kosta ta’ British Columbia, ix-xlokk u n-nofsinar tal-Alaska kif ukoll għal diversi zoni tal-Alaska Peninsula.