Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-MEP Soċjalista Ana Gomes lill-Gvern Malti: agħtu l-protezzjoni ta’ whistleblower lil Jonathan Ferris

L-MEP Soċjalista Ana Gomes qed tinsisti li l-eks uffiċjali tal-FIAU Jonathan Ferris jingħata l-istatus ta’ whistleblower u b’hekk jingħata l-protezzjoni kollha biex jikxef dak li jaf.

Il-Portugiża Ana Gomes mexxiet id-delegazzjoni f’Malta li nvestigat is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, liema delegazzjoni ppubblikat rapport il-ġimgħa li għaddiet u li fih talbet, fost l-oħrajn, għat-tneħħija tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, u biex dawn jiġu nvestigati.

Fl-istqarrija, Ana Gomes qalet li ilha ssewgi l-iżviluppi b’rabta mat-talba ta’ Jonathan Ferris biex jingħata l-protezzjoni ta’ whistleblower. “L-iżviluppi qed isiru bil-mod wisq,” sostniet l-MEP Soċjalista, li tifforma parti mill-istess familja politika tal-Partit Laburista Malti. Fil-fatt, it-talba minn Ferris kienet diġà saret meta d-delegazzjoni ġiet Malta f’Novembru li għadda.

“Jien nemmen li l-informazzjoni li għandu Ferris tista’ tkun importanti, u għalhekk nerġa’ nitlob lill-Gvern Malti biex jassigura li jingħata l-istatus ta’ whistleblower u biex jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji għal protezzjoni, kemm għalih kif ukoll għall-familja tiegħu. Ninsab diżappuntata nisma’ li Ferris qed jintalab jgħaddi l-informazzjoni lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qabel jingħata l-protezzjoni. Jekk dan hu minnu, din tkun inaċċettabbli, speċjalment meta l-informazzjoni tista’ tinkludi dettalji dwar Ministru u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, li minkejja li nkixfu fil-Panama Papers, inżammu fil-karigi tagħhom fil-Gvern,” sostniet Gomes.

L-MEP David Casa: Ferris għandu informazzjoni dwar attività kriminali minn uffiċjali għolja fil-Gvern Malti

Sadanittant, fi stqarrija b’reazzjoni, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew l-MEP David Casa qal li hu jappoġġja t-talba ta’ Gomes biex Jonathan Ferris jingħata l-protezzjoni ta’ whistleblower. “Hu ovvju li Ferris, minħabba r-rwol li kellu, għandu informazzjoni dwar attività kriminali minn uffiċjali għolja fil-Gvern Malti,” qal David Casa.

Hu temm jgħid li sfortunatament, l-whistleblower ikunu protetti biss biex jintużaw bħala għodda politika kontra l-Oppożizzjoni, u li meta dan ma jkunx il-każ, isiru kampanji sħaħ biex jiskreditawh/a u jimminawhom.

FILMAT: Il-Kap tal-PN Adrian Delia jitlob lill-Prim Ministru biex jagħti protezzjoni lil Jonathan Ferris