Ewropa Unjoni Ewropea

Lejn Parlament Ewropew iżgħar wara Brexit

Kollox jindika li wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-Parlament Ewropew se jkun iżgħar minn dak tal-lum. Dan hekk kif aktar kmieni llum, il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kostituzzjoni vvota biex minn 751 Deputat Parlamentari li hemm illum, dawn jonqsu għal 705 fil-leġiżlatura li jmiss, li tibda fl-2019.

Minkejja dawn il-bidliet, Malta se tibqa’ żżomm is-sitt siġġijiet li għandha bħalissa fil-Parlament Ewropew. Id-deċiżjoni li ttieħdet fil-Kumitat dwar il-Kostituzzjoni mhix waħda finali, għaliex issa mistennija tkun suġġett għal vot fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu fi Frar, biex imbagħad id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Kunsill Ewropew. Madanakollu, l-pass tal-lum hu wieħed importanti għaliex kollox jindika li l-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew qed jaqblu ma’ din is-sistema.

Bl-abbozz approvat, il-bidliet fis-siġġijiet skont il-pajjiżi se jkunu kif ġej:

Fl-istess laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kostituzzjoni ttieħed vot dwar dawk magħrufa bħala ‘transnational lists’, sistema li qed tiġi mbuttata mill-President Franċis Emanuel Macron. Madanakollu, ma jidhirx li din is-sistema tista’ tidħol fis-seħħ għall-elezzjonijiet tal-2019. Kif diġà ħabbar netnews.com.mt, l-probabbilità hi li l-elezzjonijiet f’Malta – kemm għall-Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll għall-membri fil-Kunsilli Lokali – se ssir is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019.

Elezzjoni għall-Kunsilli u l-Parlament Ewropew: is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019?