Tħabbru n-nominazzjonijiet għad-90 edizzjoni tal-Academy Awards (Oscars) li jippremjaw lill-aqwa protagonisti u produzzjonijiet fid-dinja taċ-ċinema. Iċ-ċerimonja tal-Oscars ta’ din is-sena se ssir fid-Dolby Theatre ta’ Hollywood , f’Kalifornja, fl-4 ta’ Marzu.
Il-film ta’ Guillermo del Toro, The Shape of Water, li jitratta fantasija mibnija fuq ir-romantiċiżmu, għandu 13 il-nominazzjoni għall-Oscar, fosthom għall-Aħjar film.
Intant, il-film Dunkirk — drama dwar it-Tieni Gwerra — għandu tmien nominazzjonijiet, waqt li l-film Three Billboards Outside Ebbing Missouri għandu seba’.
Hemm b’kollox disa’ produzzjonijiet innominati għall-Aħjar Film fosthom The Post, tal-famuż direttur Steven Spielberg; Call Me By Your Name u Darkest Hour (film ieħor tat-Tieni Gwerra li jikkonċentra fuq il-karattru ta’ Winston Churchill).
L-attur Britanniku Gary Oldman, li jqaxxar il-karattru ta’ Churchill f’Darkest Hour, diġà rebaħ Golden Globe u l-premju tas-Screen Actors Guild għal dan ir-rwol.
Intant, hu se jkollu sfida kbira mill-attur Daniel Day-Lewis (Britanniku ieħor u fil-passat, rebbieħ ta’ tliet Academy Awards) għall-Oscar tal-Aħjar Attur ta’ din is-sena. Day-Lewis ġie innominat għall-film Phantom Thread.
It-taqtigħa għall-Oscar tal-Aqwa Attriċi hi bejn il-favorita, Frances McDormand (għar-rwol tagħha f’Three Billboards Outside Ebbing Missouri); Meryl Streep (The Post) u Sally Hawkins (The Shape of Water).
In-nomina ta’ Streep hi s-sbatax il-waħda fil-karriera tagħha għat-titlu Best Actress u l-21 nomina personali għall-Oscar fuq bażi ġenerali.
//= $special ?>

