Casa jinsisti li dmiru hu jirrapreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi, mhux lil Kastilja
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando – li hu wkoll kandidat Laburista – kompla bit-theddid u t-tgħajjir fil-konfront tal-MEP Nazzjonalista David Casa, tant li dalgħodu wasal biex iddeskrivih bħala ‘tabloid journalist’. Dan hekk kif il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa jinsab fil-pussess ta’ rapport konklussiv tal-FIAU li fih provi ta’ korruzzjoni fil-bejgħ tal-Enemalta.
Wara l-intervista ma’ The Sunday Times of Malta, li fiha, David Casa żvela partijiet mill-kontenut ta’ dan ir-rapport, u qal li ma jeskludix li jgħaddi dan ir-rapport lill-Maġistrat inkwirenti, Pullicino Orlando kiteb fuq Facebook u talab lill-Pulizija biex tarresta lil Casa, għaliex, skont il-kandidat Laburista, Casa qed jikser il-liġi. Din l-akkuża lbieraħ wasslet biex Casa jgħid li hu se jibqa’ jiddefendi lill-poplu Malti u Għawdxi.
Dalgħodu, imbagħad, Pullicino Orlando kompla bis-sensiela ta’ tgħajjir fil-konfront ta’ David Casa u ħareġ stqarrija biex jgħid li Casa hu ‘tabloid journalist’, u li dak li qed jagħmel David Casa – jiġifieri li jitkellem dwar ir-rapport tal-FIAU – hu ‘farsa’.
Minn naħa tiegħu, David Casa wieġeb għal dawn l-akkużi u qal li d-dmir tiegħu hu li jirrapreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi, u mhux lill-Kastilja. Filwaqt li sostna li ebda theddid ta’ arrest m’huma se jżommuh milli jagħmel xogħlu, David Casa reġa’ sostna li se jkun qed jirrepeti r-rapport konklussiv tal-FIAU wara li tkun intemmet l-analiżi ta’ esperti li qed issir bħalissa. Dan ir-rapport għandu jwassal biex il-Prim Ministru jkeċċi lil Konrad Mizzi, qal Casa.
Hu temm jgħid li Pullicino Orlando messu – flok jitgħajjar politikament – jibda jiddedika ftit siegħat ta’ xogħol fir-rwol li qed jitħallas eluf ta’ ewro kbar mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.
David Casa jressaq aktar provi quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew
//= $special ?>