Lokali

FILMAT: Il-Kap tal-PN Adrian Delia jiltaqa’ man-nies fis-suq ta’ Birkirkara

Il-bejjiegħa tas-suq għandhom jiġu mgħejuna biex in-negozju tajjeb imur aħjar. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li l-Erbgħa dar lill-bejjiegħa tal-monti ta’ Birkirkara u dawk li kienu qed jixtru mill-istess post.

Mingħand dawk li ltaqa’ magħhom fis-suq ta’ Birkirkara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sema’ wkoll ilmenti dwar il-lattrina pubblika li ilha għal madwar sena u nofs magħluqa.

Post li kien użat kemm mill-bejjiegħa kif ukoll mix-xerrejja biex jaqdu l-bżonnijiet naturali, iżda li issa huma sfurzati jmorru bil-ħarba u kontra r-regoli biex jinqdew mit-toilets taċ-ċentru tas-saħħa.

U anke fiċ-ċentru tas-saħħa wieħed isib sitwazzjoni partikolari, fejn il-pazjenti jqattgħu ħin twil jistennew b’biljett f’idejhom sakemm imiss iċ-ċans tagħhom.

Fiċ-ċentru ċiviku wieħed isib ukoll uffiċċju tal-jobs+ fejn ħaddiema waħda trid taqdi kju ta’ nies. Inizjattiva li saret biex tressaq dan is-servizz eqreb lejn in-nies iżda minflok qed twassal għal ħela ta’ ħin lil dawk li jkollhom bżonn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista daħal ukoll f’diversi ħwienet, minn ħwienet tal-ħelu għal kafetterija u ieħor tax-xorb, iżda wkoll ħanut b’kunċett differenti fejn wieħed jista’ jixtri l-bżonnijiet ta’ kuljum imma fl-istess waqt il-klijenti għandhom ukoll spazju fejn jieklu u jixorbu.