Lokali

Il-Ġiljaniżi jiċċelebraw il-festa liturġika ta’ San Ġiljan b’oratorju

Il-lokalità ta’ San Ġiljan qed tipprepara għal avveniment importanti, hekk kif fis-27 ta’ dan ix-xahar tiġi ċċelebrata l-festa liturġika ta’ San Ġiljan..

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, lejliet dan l-anniversarju, jiġifieri l-Ġimgħa li ġej, se jittella’ oratorju fil-knisja ta’ San Ġiljan, fis-19:30 ta’ filgħaxija. Matul l-aħħar ġimgħat kienu qed isiru diversi preparamenti, fost l-oħrajn mill-banda ta’ San Ġiljan.

Akkumpanjata minn kor imwaqqaf apposta u mmexxi mis-surmast u direttur Riccardo Bianchi, wieħed isib ukoll ħames solisti u żewġ narraturi.

Dan għaliex dawk li jattendu, se jkunu jistgħu jisimgħu b’modi diversi l-ħajja ta’ San Ġiljan li hi waħda mill-iktar interessanti grazzi għal lirika ta’ Joe Friggieri u mużika tas-surmast Etienne Spiteri.

Filfatt jingħad li Ġiljan kien qatel lil ommu u lil missieru b’inċident. Episodju li mmarkalu ħajtu u kien għalhekk li ddeċieda li jiddedikaha għall-karità u ħidma fost il-poplu. Bħalissa l-istatwa ta’ San Ġiljan għaddejja wkoll minn restawr mill-kumpanija Atelier del Restauro.