Larry Nassar, eks tabib tat-tim nazzjonali Amerikan tal-ġinnastika, instab ħati ta’ abbuż sesswali minn iżjed minn 150 ġinnasta matul is-snin, fosthom każi ta’ ġinnasti li kienu taħt l-eta.
Hu ngħata sentenza ta’ 175 sena ħabs mill-Imħallef Rosemarie Aquilina, bint Malti li kien iżżewweġ Ġermaniża u emigra lejn Detroit, fl-Istati Uniti. Minbarra dawn, Nassar irid iservi wkoll sentenza federali ta’ sittin sena ħabs li ngħatat qabel din dwar pussess ta’ pornografija ta’ minuri.
Fis-sentenza tagħha hi qalet li hu unur u privileġġ għaliha li setgħet ittih is-sentenza ta’ dak kollu li għamel lil dawn it-tfajliet u ddikjarat li għadha kif iffirmat is-sentenza ta’ mewt tiegħu bil-mod kif setgħet, għaliex fl-istat fejn qed jinstema’ dan il-każ, sentenza ta’ mewt mhix possibbli.
Nassar ammetta għal diversi akkużi ta’ attakki sesswali. Dan wara li l-Pulizija kienu ssekwestrawlu 37,000 stampa u filmati, inkluż filmati minn GoPro fejn juruh jabbuża u jmiss sesswalment lil numru ta’ tfajliet fi swimming pool.
L-Imħallef Rosemarie Aquilina qalet li t-tfajliet abbużati m’għadomx iżjed vittmi, għaliex qamu minn dak li għaddew minnu biex jaraw li ssir ġustizzja u ħaddieħor ma jgħaddix mill-istess esperjenza. Indirizzat lil vittmi oħra u appellatilhom biex huma wkoll jieħdu azzjoni u jwaqqfu lil min iwettaq l-abbuż.
L-avukati li jiffurmaw parti mid-difiża llum iddikjaraw li rċivew theddida anonima fejn persuna jew persuni mhux magħrufa bagħtu korrispondenza fejn xtaqu l-mewt lil uliedhom.
Qabel ingħata s-sentenza tiegħu, fi stqarrija miktuba minn nassar, hu talab skuża għal dak li għamel. Qal li hu ra t-tbatija tal-vittmi, jirrealizza li dak li ħass meta l-vittmi kienu qed jixhdu u jirrakkuntaw dak li għaddihom minnu, ma jitqabblux ma’ dak li l-vittmi għaddew minnu.
Għal diversi drabi hu dar lejn il-vittmi, fejn talab skuża waqt li dawn kienu qed jibku, emozzjonati minn dak li għaddew minnu, bl-Imħallef Aquilina tindirizzah u tgħidlu li tittama li verament qed jiddispjaċih għal dak li għamel, u mhux dispjaċut biss għax inqabad.
Iżda waqt li qrat l-istqarrija tiegħu lill-investigaturi, Rosemarie Aquilina wriet lil kulħadd kif filwaqt li kien qed jgħid li hu ħati, waqt l-interrogatorji kien qed jgħid li ġie mġiegħel jammetti u jkompli jwaħħal fil-vittmi. hawn hi qabdet l-istqarrija tiegħu u warrbitha fil-ġenb.
“Il-ġustizzja għandha bżonn ferm iktar milli dak li nista’ nagħmel jien, biex verament tkun qed issir,” iddikjarat l-Imħallef Aquilina.
//= $special ?>