Residenti ta’ Triq Alfred Cachia u Triq iċ-Ċawsli, li huma toroq prinċipali fil-qalba taż-Żejtun, ilhom kważi sena għaddejjin minn martirju jistennew li dawn it-toroq jitlestew.
Fil-post, apparti makkinarju pparkjat fil-post u li mhux jiġi użat, wieħed isib ħofor, kanali, biċċiet tal-ġebel u żrar fl-istess waqt li fil-qrib, qalb dan kollu, jarma l-monti bit-trab itir u nieżel fuq il-bejjiegħa u x-xerrejja.
Is-sitwazzjoni ġabet diżastru finanzjarju għall-ħwienet u stabbilimenti oħra matul it-triq, hekk kif il-konsumaturi qed jevitaw li jmorru lejn din iż-żona għaliex wara jkollhom iduru dawra sħiħa mar-raħal u qalb toroq dojoq biex joħorġu miż-Żejtun.
Fin-naħa t’isfel, quddiem il-kappella ta’ San Klement, wieħed isib ukoll bandli li huma miksija b’tapit ta’ trab, bit-tfal li jirriskjaw li jekk joħorġu mill-bandli jispiċċaw jaqgħu għat-triq prinċipali li tinsab maqlugħa u mħaffra. Konsegwenza ta’ dan, il-bandli ilhom ma jintużaw għal żmien twil.
Ix-xogħol tant waqa’ b’lura, li saħansitra l-Ministru Ian Borg kellu jitlob lill-istazzjoni tal-Partit Laburita jiħdulu kumment biex jispjega kemm jinsab diżappuntat bis-sitwazzjoni kif inhi. Il-kummenti waslu wara li fuq is-sit tal-istazzjon nazzjonali ħarġet storja li tgħid li r-residenti u n-negozji huma mbikkma.
Iżda l-għada li għadda dawn il-kummenti, fil-post ma nbidel xejn ħlief li wieħed isib madwar ħames ħaddiema li suppost waħidhom ilestu din it-triq kollha.









