Lokali

15-il arrest fl-Italja – kienu jużaw lil Malta għat-trasferiment ta’ flus minn logħob illegali onlajn

Sensiela ta’ rejds fl-Italja wasslu biex inkixef grupp ta’ persuni li kienu qed jużaw il-betting u logħob tal-flus illegali.

Matul it-tfittxijiet li saru, f’aġenziji tal-betting fuq l-isport, bars, swali tal-logħob u mwejjed tal-billiard imma wkoll f’residenzi privati, ġew arrestati 15-il persuna fuq akkużi ta’ abbuż tal-logħob tal-flus illegali.

Ġew sekwestrati wkoll madwar 80 kompjuter, apparat tal-informatika, flus kontanti u ċekkijiet li jammontaw għal €113,000. Mid-dokumenti, lista twila ta’ klijenti u somom ta’ flus milgħuba, jirriżulta li fi tmien xhur biss kien hemm moviment ta’ flus li jammonta għal madwar miljun ewro.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li dawk investigati kienu jużaw lil kummpaniji awtorizzati fl-Italja biex jiġbru flus ta’ siti barranin li ma kellhomx awtorizzazzjoni li joperaw fl-Italja.

Malli l-flus jinġibdu mill-bliet differenti, suċċesivament kienu jiġu trasferiti lejn kumpanija rreġistrata f’Malta. Jirriżulta li l-quċċata tal-istruttura kienet kumpanija f’Ragusa awtorizzata fl-Italja, iżda li l-punt ta’ kuntatt tagħha kienet f’isem bookmaker f’Malta u l-aġenziji barranin differenti.

Filfatt jidher li l-flus kienu jintbagħtu lejn Malta, jew bil-katamaran inkella permezz ta’ titjiriet minn Comiso u Katanja, isiru diversi movimenti biex l-ammonti tat-trasferimenti jkun inqas minn dak stabbilit skont il-liġi kontra l-ħasil ta’ flus.