Internazzjonali

Berlusconi favur l-għażla ta’ Tajani bħala Prim Ministru Taljan

 

Il-Kap taċ-ċentru lemin politiku, fl-Italja, Silvio Berlusconi faħħar lill-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, bħala ‘kandidat qawwi’ għar-rwol ta’ Prim Ministru Taljan, ladarba jsiru l-elezzjonijiet nazzjonali.

Tajani hu ekskummissarju tal-Unjoni Ewropea u membru tal-Partit Forza Italia ta’ Berlusconi. Dan meta Forza Italia qed igawdi l-akbar element ta’ appoġġ fil-koalizzjoni taċ-ċentru-lemin li mistennija tirbaħ l-akbar numru ta’ siġġijiet fl-elezzjoni ġenerali tal-4 ta’ Marzu fl-Italja. Din il-koalizzjoni tinkludi fiha wkoll il-Lega Nord u l-Partit Fratelli d’Italia.

Berlusconi kien Prim Ministru Taljan għal erba’ darbiet u ma jistax jikkontesta mill-ġdid għal dan ir-rwol minħabba li, fl-2013, kien instab ħati dwar frodi tat-taxxa. Intant, hu qal, waqt intervista, li ‘għandu tliet kandidati (għal Prim Ministru) f’moħħu’, iżda fl-aħħar nett għażel li jitkellem biss dwar Antonio Tajani.

Sadattant, l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni jissuġġerixxu li l-ebda partit waħdu jew koalizzjoni mhuma se jirbħu biżżejjed siġġijiet biex jiggvernaw waħedhom fl-Italja. B’hekk hemm possibbiltà kbira ta’ ‘djalogu u negozjati’ wara l-elezzjoni ta’ Marzu u fejn il-protagonisti politiċi jippruvaw jaslu għal maġġoranza amministrattiva.