Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

ARA: Il-Parlament Ewropew jiddibatti r-rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta

Dalgħodu, l-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern ddiskuta l-konklużjonijiet tar-rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Dan ir-rapport, li sar minn delegazzjoni ta’ Membri Parlamentari Ewropej li ġew f’Malta f’Novembru li għadda, jinkludi fih diversi konklużjonijiet, bl-ewlenija fosthom tkun dik li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandhom jitneħħew mill-karigi tagħhom u tinfetaħ investigazzjoni dwarhom. Għal dan id-dibattitu, qed jattendu wkoll it-tfal tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Roberta Metsola tgħid li r-rapport tal-Parlament Ewropew jikkonferma li Malta għandha bżonn bidla urġenti
‘Xogħli hawn hu li nuri li l-Maltin m’humiex karaterizzati mill-korrotti li għandhom kollox x’jitilfu’

Fid-diskors tagħha, l-Koordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-MEP Roberta Metsola qalet li l-ħmieġ li jikxef dan ir-rapport ma jirrapreżentax il-karatteristiċi tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi, isa jikkonferma kemm Malta għandha bżonn bidla malajr. Hi sostniet li d-delegazzjoni ingħatat stampa ċara tas-sitwazzjoni f’Malta, għalkemm il-poplu Malti u Għawdxi ma kellu bżonn ebda delegazzjoni ta’ MEPs biex tgħidlu li hu tal-mistħija li l-Pulizija rrifjutat li minn tal-anqas tinvestiga – aħseb u ara kemm ħadet passi – kontra akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus minn persuni nvoluti fil-politika u l-banek tagħhom; jew li l-whistleblowers għandhom jiġu protetti u mhux mhedda u; jew li l-ġurnalisti għandhom ikunu liberi li jiktbu dak li jħossu mingħajr ma jinqatlu; jew li l-kultura ta’ impunità għandha tintemm. Dawn il-prinċipju għandhom ikunu l-bażiku, sostniet Roberta Metsola.

Hi kompliet tgħid li l-magna ta’ propoganda tal-Prim Ministru mill-ewwel bdiet tattakka lilha, lill-whistleblowers, u lill-membri kollha tad-delegazzjoni, iżda sa issa messhom jafu li minkejja kollox, se nibqgħu nagħmlu dmirna. Aħna qegħdin hawn niddefendu l-pajjiż li rridu, dak li kellna garanzija tiegħu, l-Ewropa li tant ħdimna għaliha. Malta jixirqilha li l-kontrolli jeżistu mhux biss fuq il-karta, fejn il-liġi ma tiġix abbużata biex jiġu protetti l-korrotti, fejn il-ġurnalisti jistgħu jiktbu mingħajr ma jiġu sploduti, fejn is-saltna tad-dritt tiffunzjona kif suppost.

Roberta Metsola temmet billi appellat lil Malta biex tkun soda. “Pajjiżi magħmul minn nies kburin, u xogħli hawn hu li nuri lill-Maltin u l-Għawdxin m’għandhomx jiġu karaterizzati minn dawk il-korrotti li għandhom kollox x’jitilfu. Pajjiżna hu aħjar minn hekk. Dawn ma jirrapreżentawx il-valuri tagħhna, u aħna se nkomplu niġġieldu biex isiru l-bidliet neċessarji li hemm bżonn.

David Casa jgħid li din hi ġlieda għall-poplu Malti kontra Gvern korrott
‘Din ġlieda għal Malta. Għall-poplu Malti u Għawdxi. U kontra Gvern korrott.’

Fid-diskors tiegħu, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa qal li r-rapport hu ċar. L-akbar tħassib hu ovjament il-fatt li persuni fl-ogħla livelli tal-Gvern inqabdu li kienu nvoluti f’attività kriminali, u għadhom fil-kariga sal-lum il-ġurnata.

Hu sosta li dawk li ħolqu l-istrutturi tal-ħasil ta’ flus għadhom bil-liċenzja. U l-bank li ntuża biex jinħaslu l-flus jibqa’ jaħdem qisu xejn mhu xejn. Sadanittant, ir-rapporti mill-FIAU ta’ Malta li jinsistu li l-Pulizija tieħu passi kontra dawn in-nies baqgħu fuq l-iskrivanija tal-Kummissarju tal-Pulizija. David Casa qal li din l-impunità hi xokkanti, u kien f’dan id-dawl li Daphne Caruana Galizia nqatlet permezz ta’ karozza bomba fid-dawl ta’ waranofsinhar.

Hu staqsa x’ġie jagħmel Owen Bonnici għall-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari. David Casa qal li Owen Bonnici se jgħid li l-Gvern daħħal il-liġi tal-whistleblowers, iżda mhux se jgħid li joffru protezzjoni biss lil min hu viċin tagħhom. Se jgħidilna li l-Gvern daħħal il-liġi tal-preskrizzjoni tal-politiċi, iżda mhux se jgħid li ħatfu l-FIAU u l-Korp tal-Pulizija biex il-kollegi tiegħu ma jistgħu qatt jittresqu l-Qorti. Se jgħidilna li daħħal liġi ġdida għall-media, iżda mhux se jgħid li din l-istess liġi tfasslet b’tali mod li l-assi ta’ Daphne Caruana Galizia jibqgħu ffriżata minħabba azzjoni legali li ħa d-Deputat Mexxej tal-partit tiegħu.

Hu sostna wkoll li Owen Bonnici se jgħid li għaddejjin inkjesti Maġisterjali f’Malta, iżda mhux se jgħid li l-Prim Ministru ressaq appell biex l-aktar affarijiet importanti ma jiġux investigati.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, David Casa qal li Owen Bonnici se jiprova jiddeskrivi d-dibattitu bħala attakk fuq Malta. Madakollu, sostna Casa, din hi ġlieda għal Malta, għall-poplu Malti u Għawdxi, u kontra Gvern korrott.

Francis Zammit Dimech jgħid li l-media f’Malta tinsab taħt theddida minħabba l-indħil politiku
‘Ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport juru li dak li qalet l-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili f’Malta dwar it-tnawwir tas-saltna tad-dritt kien kollhu veru’

Fid-diskors tiegħu, l-MEP Francis Zammit Dimech qal li l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat ma ħa ebda passi wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Minn naħa l-oħra, sostna Zammit Dimech, l-Oppożizzjoni – kemm f’Malta, kif ukoll fil-Parlament Ewropew – diġà bdiet tieħu passi konkreti li jappoġġjaw il-konklużjonijiet tar-rapport. Eżempju minnhom hu l-abbozz ta’ liġi li ppreżentat l-Oppożizzjoni fil-Parlament Malti biex kumpaniji jew organizzazzjonijiet ma jkunux jistgħu jiftħu kawżi legali kontra l-ġurnalisti f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea.

Francis Zammit Dimech fakkar li meta l-Prim Ministru Malti ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk hux se jappoġġja din il-liġi, l-Prim Ministru ma weġibx. Saħansitra, l-Prim Ministru Malti qal li hu ma jagħtix każ x’jgħidu l-MEPs iżda jagħti każ biss il-Prim Ministri. U dan kliem minn eks Membru tal-Parlament Ewropew. Zammit Dimech qal li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru jgħid ħafna.

Hu rrefera għall-attakk sistematiku fuq MEPs li għandhom għal qalbhom il-valuri Ewropej u li qed jiddefendu lill-poplu Malti u Għawdxi. Fost l-oħrajn, deskrizzjonijiet bħal ‘tradituri’ għall-MEPs Maltin tal-Partit Popolari Ewropew, u issa saħansitra, l-MEP Soċjalista Ana Gomes – mill-istess grupp politiku tal-Gvern Malti – spiċċat vittma ta’ dawn l-attakki – kemm mill-grupp politiku tagħha kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Malta.

Itemm id-diskors tiegħu, Francis Zammit Dimech qal li r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport juru li l-media f’Malta tinsab taħt theddida, mhux biss minħabba SLAPP iżda wkoll minħabba l-indħil politiku. Hu żied li r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport juru li dak li qalet l-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili f’Malta dwar it-tnawwir tas-saltna tad-dritt kien kollhu veru.

Aqra aktar:

Għada: il-Parlament Ewropew jiddiskuti r-rapport dwar Malta

Joseph Muscat bi pressjoni fuq il-Parlament Ewropew biex għad-dibattitu dwar Malta jattendi Owen Bonnici