Lokali

FILMAT: Botta u risposta bejn l-MUT u l-MCAST

L-amministrazzjoni tal-MCAST qed tipprova tagħmel sarima ma’ ħalq l-MUT u l-edukaturi. Kienet din id-dikjarazzjoni qawwija ta’ Marco Bonnici, President tal-MUT, l-għada li l-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni biex l-azzjonijiet industrijali li ħabbret il-union tal-għalliema jiġu sospiżi.

Fuq ordni tal-Qorti, fl-MCAST kellu jiġi pospost strajk ta’ sagħtejn kuljum għall-Ħamis u l-Ġimgħa hekk kif hemm nuqqas ta’ qbil dwar ftehim kollettiv għal-letturi tal-MCAST wara li dak preċedenti skada fl-2016.

“Din hi theddida serja għat-trejdunjoniżmu u wkoll għall-aspett edukattiv. L-MCAST hi istituzzjoni edukattiva fejn tistenna kollox ħlief dawn l-azzjonijiet. Tistenna li ma jkollokx sarima ma’ ħalqek, u li l-MCAST bħalll-Gvern jirrispetta d-dritt sagrosant li l-edukaturi jieħdu azzjonijiet industrijali li huma dovuti għaliex dan hu ftehim li skada, ftehim li dwaru kien hemm tkaxkir tas-saqajn,” iddikjara Bonnici.

Kompla billi ddeskriva “dan il-jum bħala wieħed griż għall-MCAST. Ġurnata griża wkoll għat-trejdunjoniżmu għax ma nistennewx azzjonijeit simili. Ma jimpurtax għaliex aħna se nirrispondu għalihom, se mmorru fil-Qrati Maltin u nara li nieħdu ġustizzja.”

Marco Bonnici ddikjara li l-MUT qatt m’affaċċjat sitwazzjoni simili fl-istorja tal-MCAST, fejn akkuża lill-amministrazzjoni li qed iċċaħħad lill-impjegati tagħha minn talbiet ġusti.

Il-ftehim kollettiv hu dwar erba’ gradi differenti, li jinkludu l-letturi, impjegati li joffru servizzi lill-istudenti, Learning Support Assistants kif ukoll impjegati tekniċi.

Bonnici qabbel l-MCAST mal-impjegati ta’ istituzzjonijiet oħra, bħall-Junior College, fejn qal li l-kundizzjonijiet fl-MCAST huma miżeri.

Akkuża wkoll lill-MCAST bi ksur tal-protezzjoni tad-data, meta r-rappreżentanti tal-istudenti ntlabu jiġbru r-rassenja ta’ sħabhom minflok l-edukaturi, li ntlabu ma jagħmlux dan bħala parti mill-azzjonijiet industrijali.

Min-naħa tal-MCAST, iċ-Chairman Silvio Debono ċaħad li l-istituzzjoni qed tipprova tagħlaq ħalq xi ħadd għaliex qal li l-azzjonijiet industrijali huma dritt. Madankollu qal li dawn jittieħdu meta jkun hemm raġuni.

Akkuża lill-MUT li ftit wara li kien hemm ftehim li ssir laqgħa nhar it-Tlieta, minflok ħabbret azzjonijiet industrijali. Qal li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin tant li l-MCAST se jippreżenta proposta ġdida li tqarreb sew it-talbiet tal-union tal-għalliema.

Filwaqt li ċaħad li hemm tkaxkir tas-saqajn min-naħa tal-MCAST, fakkar li diġa hemm qbil fil-prinċipju biex jiddaħħal grad ġdid għal senior lecturers u riċerkaturi, titjib konsiderevoli fil-pagi, work resource allowance doppja kif ukoll ħlas ogħla għal ħin żejjed maħdum.

Filwaqt li ddikjara l-azzjonijiet tal-MUT bħala irresponsabbli, qal li r-responsabbiltà tal-MCAST hi li jkunu protetti l-istudenti u l-impjieg tal-letturi, u għalhekk appella biex l-MUT tirritorna għad-diskussjoni.

“Nemmnu li hemm bażi tajba għall-ftehim, nappella biex ikun hemm razzjonalità u biex iż-żewġ partijiet ninġabru mill-ġdid madwar mejda biex nilħqu ftehim aħħari għall-ġid tal-letturi u għall-ġid tal-istudenti. Hu appell ġenwin, li nememen li se jintlaqa’ u għalhekk qed inħares ‘il quddiem biex fil-jiem li ġejjin ninġabru madwar l-istess mejda u nilħqu ftehim tant importanti għall-MCAST,” appella Silvio Debono.

Ċaħad l-akkużi ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data, għaliex qal li l-MCAST ried jiġbor l-attendenza biex jiżgura l-istipendju tal-istudenti u qal li d-dewmien fit-taħdidiet kien ukoll kawża ta’ elezzjoni interna għall-Presidenza tal-MUT li ħadet xhur.

Silvio Debono ħabbar li saret talba lid-Direttur tax-xogħol biex iż-żewġ partijiet jiltaqgħu mill-ġdid u talab lill-MUT biex tinża minn dik li sejħilha bħala suppervja.

Fl-isfond ta’ dan kollu hemm l-istudenti, li fi kliemhom spiċċaw ballun f’saqajn l-MUT u l-MCAST.

“Ħmistax oħra nibdew bl-eżaqmijiet u ħafna minnha għad lanqas għandna timetable tal-eżamijiet u għalhekk nitolbu lill-MCAST u l-MUT biex jilħqu ftehim jew għallinqas, jekk issir direttiva oħra, ma ssirx fi żmien l-eżamijiet,” qal Sven Dimech lil Net News, waqt li Ryan Attard fakkar li “fl-aħħar mill-aħħar nittamaw li jimxi kollox għall-aħjar ħalli l-istudent ikompli miexi fit-triq tal-eżamijiet tiegħu.”

Dawn l-azzjonijiet industrijali qed isiru jiem biss qabel jibdew l-eżamijiet ta’ dawn l-istudenti.

Intant, dejjem dwar l-istess kwistjoni, il-FORUM Union Maltin talbet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jirrisolvi din il-kwistjoni filwaqt li esprimiet diżappunt li l-MCAST irrikorra għall-qrati biex iwaqqaf l-azzjonijiet industrijali.

Fi stqarrija mis-Segretarju Ġenerali Colin galea jingħand li l-MUT għamlet minn kollox biex fin-negozjati jitnlaħaq ftehim u segwiet il-proċeduri kollha iżda lf-tehim ma wasalx.

Il-FORUM iddeskriviet l-azzjoni tal-MCAST bħala azzjoni kontra d-drittijiet tal-ħaddiema u l-istudenti hekk kif tiddikjara li l-impjegati kollha huma demoralizzati.