Lokali Parlament

Il-kejl ekonomiku għandu jkun kif qed jgħixu n-nies

– Claudio Grech, PN

Il-kejl ekonomiku m’għandux ikun dak tal-perstenaġġi iżda ta’ kif qed jgħixu n-nies u għalhekk il-ħarsien ekonomiku għandu jevolvi billi tibda titwitta t-triq għal ekonomija ġdida bbażata fuq il-valur miżjud u li ma jkollix iktar dipendenza fuq is-sistema fiskali li tkun waħda sostenibbli

Dan qalu fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech li sostna li ċ-ċifri ekonomiċi juru tkabbir eknomiku iżda jridu jkunu kkunsidrati wkoll diversi aspetti fosthom kif qed jgħixu diversi faxex tas-soċjetà. Hu qal li għandu jkun ikkunsidrat kif qed jgħix il-poplu fil-kuntest tal-ġustizzja soċjali u kif qed jitqassam il-ġid, l-ambjent, il-kwalità tal-impjiegi, il-pagi u l-kundizzjonijiet diċenti.

Dwar il-politika industrijali u ta’ investiment, Claudio Grech qal li l-pajjiż għadda minn eri differenti ta’ tkabbir ekonomiku fejn wara l-1987 l-ekonomija kienet qed tikber u tattira l-investiment lejn il-pajjiż biex wara kien hemm l-era tas-servizzi bbażati fuq l-informazzjoni. Is-sħubija fl-UE wasslet biex il-pajjiż juża’ l-pjattaformi teknoloġiċi biex jidħol fis-servizzi u fil-gaming li huma l-pilastri ekonomiċi tal-pajjiż.

Il-pajjiż m’għandux jaspira fuq ekonomija mibnija fuq it-torrijiet u l-użu tal-art biex tiżdied l-attività ekonomika. L-ideat tal-pajjiż għandhom imorru lejn ekonomija xprunata mill-innovazzjoni. Malta hi fost l-inqas pajjiż b’rati ta’ innvoazzjoni; li hi ċ-ċavetta ta’ tkabbir ekonomiku.

Il-politika ta’ inċentivar għandha tkun waħda li titwettaq mal-investituri li jridu jwettqu kontribuzzjoni ekonomika fil-pajjiż. Għalhekk is-settur ekonmiku għandu jinkludi l-attività ta’ imprendituri Maltin, li m’għandhomx jibqgħu biss negozjanti żgħar u medji.

Claudio Grech tkellem dwar id-diversifikazzjoni u qal li l-pajjiż għandu jħares ma’ setturi ekonomiċi, li hi element vitali. Hu semma l-element fiskali u qal li s-sistema ta’ taxxa tkun ikkunsidrata biex din tkun waħda reżiljenti.