Il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja tinsab allarmata fuq rapporti dwar ‘eżekuzzjonijiet ta’ persuni li qed isiru f’daqqa u għall-għarrieda’ fil-belt ta’ Benghazi, lejn il-Lvant tal-pajjiż.
Dan fost indikazzjonijiet li l-belt ta’ Benghazi, illum, għaddejja minn żmien partikularment brutali, fost iċ-ċirkulazzjoni ta’ ritratti (mill-inħawi) li qegħdin juru l-katavri ta’ persuni li spiċċaw jaqilgħu tiri fatali f’sit fejn, jiem ilu, kienu seħħew żewġ splużjonijiet ta’ karozzi-bomba.
Il-Missjoni (għal-Libja) UNSMIL issuġġeriet li l-qattiel ewlieni, f’dan il-każ, hu Mahmoud al-Werfalli, kmandant ta’ qawwiet speċjali li hu mfittex mill-Qorti Kriminali Internazzjonali talli hu, allegatament, wettaq numru ta’ omiċidji simili.
L-UNSMIL bagħtet messaġġ fuq Twitter fejn sostniet li n-NU qed tinsisti biex tieħu kustodja immedjata ta’ al-Werfalli li għandu konnessjoni ma’ tal-anqas ħames każi ta’ qtil tal-massa simili (bħal ta’ Benghazi) li kienu dokumentati matul is-sena li għaddiet.
Al-Werfalli ġej minn taqsima armata elitista inkorporata fl-Armata Nazzjonali Libjana ta’ Khalifa Haftar. Din l-Armata tikkontrolla Benghazi u sa tard is-sena l-oħra kienet involuta fi ġlied kontra militanti Iżlamiċi u avversarji armati oħra.
//= $special ?>


