Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Trump jesprimi dubju dwar it-taħditiet għall-paċi

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, esprima dubju dwar jekk għandhomx, xi darba, ikomplu t-taħditiet għall-paċi bejn Iżrael u l-Palestinjani. Dan filwaqt li hu waħħal fil-Palestinjani għal din is-sitwazzjoni.

Trump qal li l-Palestinjani ‘iddisrispettaw’ lill-Istati Uniti wara li hu ddeċieda biex jirrikonoxxi Ġerusalemm bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael — bid-dikjarazzjoni (f’Diċembru) tal-President Amerikan tiġġenera ammont kbir ta’ kontroversja madwar id-dinja.

Meta tkellem f’Davos, fl-Iżvizzera (fejn kien għaddej il-Forum Ekonomiku Dinji), Trump qal li ‘l-affarijiet se jibqgħu fejn qegħdin jekk ma jintweriex rispett lill-Istati Uniti’. Dan wara li l-Palestinjani qalu li l-Istati Uniti ma tistax tibqa’ ikkunsidrata ‘newtrali’ fil-kwistjoni tal-Lvant Nofsani.

Il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, irriserva kundanna partikulari dwar id-dikjarazzjoni tal-President Trump rigward Ġerusalemm.

Sadanittant, il-President Trump sostna, f’Davos, li ‘Iżrael dejjem appoġġja lill-Istati Uniti u li hu jħossu onorat li seta’ jieħu din l-inizjattiva ( dwar Ġerusalemm) għall-Iżraeljani.’