Lokali

L-Isle of MTV se jsir fis-27 ta’ Ġunju

Ritratt: Rene Rossignaud

MTV, fi sħubija mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, ħabbru li l-kunċert ta’ mużika live Isle of MTV Malta se jirritorna fuq il-Fosos tal-Floriana nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Ġunju 2018. Il-kunċert sar appuntament fiss fl-appuntamenti sajfin, u din hija t-tnax-il sena ta’ kollaborazzjoni bejn MTV u l-MTA.

Russell Samuel minn Viacom Velocity qal li kienet qed titħabbar id-data ta’ dan il-kunċert hekk kmieni biex dawk segwaċi minn madwar l-Ewropa jkunu avżati ferm qabel.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu Paul Bugeja saħaq li din hija okkażjoni eċċellenti biex Malta turi l-ħila tagħha li tilqa’ turisti ta’ kull gost, età u nazzjonalità.

Il-Ministru għat-turiżmu Konrad Mizzi qal li avveniment bħal dan jgħin biex jissaħħaħ l-prodott turistiku Malti.

L-Isle of MTV fl-edizzjonijiet li għaddew laqa’ ismijiet kbar bħal The Chainsmokers, DNCE, Steve Aoki, Jason Derulo, Jess Glynne, Martin Garrix, Nicole Scherzinger, Jessie J, Will.i.am, Rita Ora, Flo Rida u Snoop Dogg fost l-oħrajn.