Oprah Winfrey, li hi fost l-aktar preżentatriċi tat-talk shows popolari u segwiti fl-Istati Uniti, qalet lill-ġurnal Amerikan InStyle li hi ‘mgħandhiex id-DNA’ biex tilħaq President tal-Istati Uniti.
Winfrey, fl-aħħar ġimgħat, issemmiet ħafna bħala sfidanta potenzjali għall-Presidenza tal-Istati Uniti għan-nom tal-Partit Demokratiku, fl-elezzjonijiet tal-2020. L-impressjoni kompliet tissaħħaħ wara li hi, dan ix-xahar, għamlet diskors kommoventi li ntlaqa’ tajjeb ferm minn kull qasam tas-soċjetà, matul is-serata tal-Golden Globes li hi fost l-aktar avvenimenti segwiti fid-dinja tal-ispettaklu.
Madankollu Oprah Winfrey qalet (waqt l-intervista lill-InStyle) li hi ‘dejjem ħassitha fiduċjuża fiha nnfisha rigward dak li hi kapaċi tagħmel u dak li ma tistax’. Hi kompliet li ‘għaldaqstant, it-tentattiv għall-Presidenza tal-Istati Uniti mhix xi ħaġa li tinteressaha’.
Ftit taż-żmien ilu, il-President Amerikan attwali, Donald Trump, kien wieġeb dwar ‘il-possibbiltà’ li hu jikkuntesta kontra Winfrey, fl-elezzjoni tal-2020. Hu kien wieġeb li taqtigħa bħal din ‘tkun waħda interessanti’ waqt li esprima fiduċja ‘fil-kapaċità tiegħu li jegħleb lil Oprah’
//= $special ?>

