Futbol Sport

Barcelona fis-semifinali tat-Tazza tar-Re

Il-plejers ta’ Barcelona waqt li kienu qed isellmu lil Mascherano

Tard il-Ħamis filgħaxija Barcelona ikkwalifikaw għas-semifinali tat-Tazza tar-Re meta fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali rebħu 2-0 fil-Camp Nou kontra Espanyol biex għaddew b’aggregate ta’ 2-1 wara li kienu tilfu l-ewwel leg 1-0.

Wara biss disa’ minuti huma fetħu l-iskor b’gowl ta’ Luis Suarez u fil-25 minuta kien is-solitu Lionel Messi li sab ix-xibka biex ta l-vantaġġ lit-tim Katalan.

Fil-partita għamel id-debutt tiegħu l-akkwist il-ġdid ta’ Barcelona Philippe Coutinho li ftit ġimgħat ilu ffirma magħhom wara li ħalla lil Liverpool.

Qabel il-logħba kien hemm mument speċjali fejn il-plejers u l-partitarji ta’ Bacelona sellmu lill-midfielder Javier Mascherano li se jħalli lit-tim wara li ffirma kuntratt mal-klabb Ċiniż Hebei China Fortune.

Grazzi għal din ir-rebħa issa Barcelona qegħdin biċ-ċans li jirbħu din it-tazza għar-raba’ darba konsekuttiva u jekk jagħmlu dan jirrepetu dak li kienu għamlu Athletic Bilbao fl-1930.

Ta’ min jiftakar li minn din it-tazza diġa’ sfaw eliminati Real Madrid u Atletico Madrid u t-tliet timijiet l-oħra li fadal huma Sevilla, Valencia u Leganes.