Il-Ministru Konrad Mizzi ħarab minn mistoqsijiet dwar il-bejgħ tal-isptarijiet – anke jekk kien il-Gvern stess li biegħ it-tliet sptarijiet tal-Maltin: L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Karen Grech u San Luqa.
Il-mistoqsijiet, li saru minn The Malta Independent, kienu dwar il-mod kif il-Vitals – li suppost xtraw l-isptarijiet huma – għaddewhom f’idejn kumpanija oħra – Steward Healthcare – wara biss 21 xahar minn meta l-Gvern biegħomlhom.
Imma Konrad Mizzi, li taħtu bħala Ministru tas-Saħħa sar il-bejgħ oriġinali tal-isptarijiet, ma riedx iwieġeb il-mistoqsijiet. Minflok, qal lill-ġurnalisti biex jistaqsu lil Vitals.
“Kull mistoqsija dwar il-motivazzjoni tal-bejjiegħ (il-Vitals) għandhom isiru lill-bejjiegħ. Ix-xogħol tagħna bħala Ministeru huwa li flimkien ma’ Projects Malta nassiguraw li l-ftehim ta’ konċessjoni bejn il-Gvern u l-Privat jiġi rispettat”, qal il-Ministru Konrad Mizz.
Il-pożizzjoni ta’ Konrad Mizzi li ma jweġibx mistoqsijiet dwar ir-raġuni għaliex il-Vitals għaddiet it-tliet Sptarijiet għand Steward Healthcare 21 xahar biss wara li xtrat l-isptarijiet mingħand il-Gvern Malti, tiġi eżattament wara li bdew iqumu sensiela ta’ mistoqsijiet u dubji dwar jekk id-deal biex il-Gvern ibiegħ l-isptarijiet lill-Vitals sarx bl-intezjonijiet li jkunu aġevolati ftit individwi.
Fl-isfond ta’ dawn id-dubji, kien il-Gvern ta’ Joseph Muscat stess li wara 21 xahar, approva li l-konċessjoni mogħtija lil Vitals, tgħaddi għal għand Steward Healthcare
“Il-Kabinett iddeċieda biex jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex ix-shareholding tal-kumpanija tal-konċessjonarju taqleb mix-shareholders preżenti (Vitals) għal għand Steward Healthcare”, qal il-Ministru stess meta kien qed jindirizza lill-media.
Sadanittant, f’investigazzjoni mis-sit LovinMalta, bdew jitqajmu mistoqsijiet oħra marbuta mal-bejgħ tal-isptarijiet. Din id-darba mistoqsijiet dwar il-kumpanija ‘Technoline’ – mixtrija minn ċertu Ivan Vassallo, li f’konversazzjoni mal-ġurnalist Tim Diacono, jirrifjuta li jgħid minn fejn ġab il-flus biex jixtri din il-kumpanija Technoline.
Fost oħrajn, LovinMalta rrappurtat li rċeviet ittra anonima li fiha jingħad li Vassallo ġab il-flus mingħand Pierre Sladden, kuntrattur li ismu deher fil-Panama Papers bħala sid ta’ kumpanija fil-British Virgin Islands flimkien ma’ Keith Schembri u Adrian Hillman.
Filmat: The Malta Independent
//= $special ?>