Lokali

Fl-MCAST: “Il-Gvern jipprova jagħmel sarima ma’ ħalq l-għalliema” – PN

Il-mandat ta’ inibizzjoni li ppreżentat l-amministrazzjoni tal-MCAST biex iċaħħad id-dritt tal-membri tal-Union tal-Għalliema milli jagħmlu azzjoni industrijali jkompli juri d-disprezz li l-Gvern għandu lejn il-ħaddiema u dawk li jirrapreżentawhom.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Edukazzjoni Therese Commodini Cachia.

L-Partit Nazzjonalista qal li l-inċertezza fl-MCAST hija riżultat tal-ebusija ta’ ras tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li baqa’ ma ffirmax ftehim ġdid mal-għalliema tal-MCAST wara li dan skada f’Diċembru 2016. Il-Gvern issa qed jipprova jitfa’ t-tort fuq l-għalliema minflok jieħu r-responsabbiltà u jirranġa fejn falla huwa stess.

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern issa qed tolqot ukoll lill-istudenti, u qed toħloq sitwazzjoni ta’ antagonismu bejn l-istaff akkademiku u l-istudenti li minnha ma jgawdi ħadd.

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li mhux biżżejjed li l-Gvern jidħaq bil-ħaddiema, iżda issa dan irid ukoll jara kif ixekkel id-dritt tagħhom li jingħaqdu u jagħmlu azzjonijiet industrijali. Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin jixirqilhom Gvern li jitratta l-Unions b’mod ċar u ġust u mhux wieħed li jisfidahom u jwebbes rasu magħhom.