Fl-Uffiċji ewlenin tal-Air Malta f’Ħal Luqa ġie ffirmat il-ftehim kollettiv bejn il-linja nazzjonali tal-ajru u l-Alpa, l-assoċjazzjoni tal-piloti.
Il-ftehim ġie ffirmat wara ġimgħat ta’ tensjoni bejn iż-żewġ naħat, bl-Alpa tagħmilha ċara li ma kinitx qed taqbel ma’ dak li kien qed jipproponi l-Gvern, tant li f’nofs Jannar, maġġoranza assoluta tal-piloti kienu vvutaw favur li jittieħdu azzjonijiet industrijali. Fil-ġlieda bejn l-Air Malta u l-piloti, il-linja nazzjonali tal-ajru kienet heddet li kienet lesta biex saħansitra tieħu azzjonijiet legali kontra l-piloti.
Imma wara dan kollu, intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat. Iżda minkejja dan, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ffirmat il-ftehim, ma ngħatawx dettalji partikolari ta’ x’jikkonsisti dan il-ftehim.
Għall-iffirmar tal-ftehim attenda l-President Emeritu George Abela, li kien qed jaġixxi bħala intermedjarju bejn l-Air Malta u l-unions tal-ħaddiema, kif ukoll il-Ministru Konrad Mizzi li f’kummenti lill-media kkonferna l-intenzjoni li jinkera ajruplan ġdid biex ilaħħaq mad-domanda tas-sajf.
//= $special ?>