Minkejja l-pompożità kollha tal-Gvern, il-proġett tal-‘junction’ tal-Kappara għadu mhux lest. U dan minkejja wkoll li fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, li nżammet ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan juri kif proġetti ta’ livell jistgħu jitlestew fil-ħin proġettat.
Iżda l-verità qed turi mod ieħor, b’sezzjonijiet tal-proġett għadhom mimlija trab u fi stadju bikri ta’ kostruzzjoni. Dan qed iwassal biex Studenti Universitarji qed isibuha diffiċli biex jgħaddu minn passaġġ taħt it-triq li suppost jgħaqqad il-Kampus maż-żona tal-Gżira u Tas-Sliema.
Fil-fatt, ‘il bogħod mil-lenti tal-ġurnalisti fl-inawgurazzjoni tal-bieraħ, it-‘tunnel’ li jintuża’ tant mill-istudenti għadu miżgħud b’vetturi u materjal użat għall-kostruzzjoni, filwaqt li partijiet minn din iż-żona saħansitra jinsabu magħluqa mill-aċċess għall-pubbliku.
Din iż-żona tant għadha lura li għad hemm ‘cables’ u katusi mikxufa fi spazju fejn għadu wkoll mimli terrapien u ħmieġ ieħor.
Dwar dan kollu, ikkummenta l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), li fuq Facebook innota kif l-Istudenti tħallew frustrati b’dan in-nuqqas ta’ aċċess, f’sitwazzjoni inaċċettabbli wkoll għar-residenti u dawk li kienu jaqsmu min-naħa għall-oħra bir-rota jew bil-mixi.
Jirriżulta wkoll li f’Ottubru, il-Gvern qal lill-KSU li din iż-żona se tkun lesta mal-kumplament tal-proġett. Madankollu, it-triq ilha tintuża’ mill-pubbliku għal diversi ġimgħat u l-inawgurazzjoni uffiċjali issa għaddiet ukoll, iżda l-periklu għall-Istudenti għadu hemm.
Għaldaqstant, il-KSU appella lill-Gvern biex dawn ix-xogħolijiet pendenti jitlestew sal-ewwel ġimgħa ta’ Frar, bit-tama li l-Istudenti Universitarji jkunu jistgħu jibdew is-semestru li jmiss mingħajr inkwiet ta’ periklu għal ħajjithom.
//= $special ?>