Lewis Bartolo mill-Ħamrun illum tressaq il-Qorti u nstab ħati wara li ammetta li hedded lill-Ewro Parlamentari Nazzjonalista David Casa.
Quddiem il-maġistrat Audrey Demicoli, Louis Bartolo ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu u wara li nstab ħati mill-Qorti ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn, multa ta €500 u protection order fuq David Casa għal sentejn.
Fuq facebook, b’referenza għal David Casa, Lewis Bartolo kiteb “eliminawh lil dan il-brigant ta’ pajjiżu, jidher wiċċu x’inhu”
Għal David Casa dehru Dr.Paul Borg Olivier u Dr. Richard Sladden filwaqt li kien ukoll assistit minn Dr Jason Azzopardi li jinsab imsiefer.
Ftit wara li ħarġet l-aħbar dwar is-sentenza tal-Qorti, l-MEP David Casa kiteb li m’għandna qatt nippermettu li ndaħħlu kultura ta’ theddid. Sostna li nargumentaw dwar il-politika iva, iżda mhux nheddu lil xulxin. Żied jgħid li ħasra li l-Gvern Laburista ma jaħsibiex l-istess u jkun hu li jippermetti dan it-tip ta’ theddid.
Temm jgħid li jħares ‘il quddiem biex ikompli jiddefendi lill-poplu Malti u Għawdxi fil-ħidma tiegħu bħala MEP.