Internazzjonali

Korea t’Isfel: Imutu talanqas 40 f’nirien ġo sptar

 

Mietu talanqas 40 persuna f’nirien li qabdu fi sptar fil-belt ta’ Miryang, lejn ix-xlokk tal-Korea t’Isfel, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li kien hemm ukoll ‘il fuq minn 70 midruba.

L-indikazzjonijiet huma li n-nirien qabdu fis-sala għall-emerġenzi tal-Isptar ta’ Sejong, u f’ħin meta kien hemm mal-200 pazjent fil-bini kif ukoll f’nursing home viċin il-kumpless.

Dawn kienu l-aktar nirien qattiela fil-Korea t’Isfel għal kważi għaxar snin u hemm possibbiltà kbira li ċ-ċifra tal-mejtin tiżdied, meta diversi fost il-midruba spiċċaw f’kundizzjoni kritika.

L-iskwadri għall-emerġenzi qalu li l-vittmi qed jidhru li mietu mid-dħaħen li belgħu fl-eqqel tat-traġedja. Dan meta l-mejtin jinkludu talanqas tabib u numru żgħir ta’ infermiera.

Ir-rapporti dwar iċ-ċifra tal-mewt ikkonfermata qed ivarjaw minn ħin għall-ieħor.

Intant, ir-rapporti rreferew għall-‘paniku enormi qalb in-nies fl-isptar’ waqt li l-kmamar imtlew mid-duħħan. L-awtoritajiet qalu  li huma ma kenux jafu l-kaġun tan-nirien li damu jaqbdu għal talanqas tliet sigħat. Sar magħruf ukoll li kienu evakwati kważi 100 pazjent min-nursing home qrib l-isptar, b’dawn jinsabu qawwijin u sħaħ.