Futbol Sport

Manchester United mal-aħħar 16 tal-FA Cup

Alexis Sanchez fid-debutt tiegħu ma' Manchester United (Ritratt: manutd.com)

Manchester United għaddew mal-aħħar 16 tal-kompetizzjoni wara li barra minn darhom kisbu rebħa tajba ta’ 4-0 kontra Yeovil Town. Kienet lejla pożittiva għar-Red Devils f’għeluq il-55 sena tal-manager Josè Mourinho, bid-debutt pożittiv ta’ Alexis Sanchez, l-inklużjoni taż-żagħżugħ Angel Gomes kif ukoll il-gowls ta’ żewġ sostituti.

Marcus Rashford fetaħ l-iskor fil-41 minuta meta ħa vantaġġ minn żball difensiv u għeleb lil Artur Krysiak mill-viċin. Huma rduppjaw fil-61 minuta b’xutt djagonali mix-xellug ta’ Ander Herrera, biex Manchester United setgħu jikkontrollaw aħjar il-logħba.

Is-sostitut Jesse Lingard għalaq il-logħba fid-89 minuta b’xutt fil-baxx għar-rokna wara azzjoni personali, biex fil-ħin miżjud kien is-sostitut l-ieħor Romelu Lukaku li kompla għal ġewwa mill-ewwel wara kross ta’ Marcos Rojo.