Lokali Unjoni Ewropea

Nuqqas kbir ta’ protezzjoni lill-whistle-blowers f’Malta, l-iSLAPP hija attentat sabiex jingħalaq ħalq il-ġurnalisti – Francis Zammit Dimech

“Il-protezzjoni lill-whistle-blowers għandha tingħata b’obbligu. F’Malta għandna sitwazzjoni fejn, meta whistle-blower jikxef xi ħaġa li hija favorevoli għall-Gvern, dan jingħata l-kuntratti u salarji għoljin iżda meta s-sitwazzjoni tkun bil-kontra u l-whistle-blower jikxef informazzjoni pereżempju relatata mal-ħasil tal-flus, jispiċċa intimidat u mhedded.” Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech qal dan waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali (JURI) fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Huwa rrefera għall-każ tal-eksSpettur Jonathan Ferris li jrid jikxef informazzjoni importanti iżda peress li baqa’ ma ngħatax il-protezzjoni bħala whistle-blower, tpoġġa f’sitwazzjoni fejn jekk jgħid dak li jaf jispiċċa l-ħabs u b’multi kbar. Zammit Dimech saħaq li l-whistle-blowers huma sors kruċjali għall-informazzjoni.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech qal li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien l-aktar każ estrem kif jingħalaq ħalq il-ġurnalist, iżda hemm ukoll każijiet oħra fejn il-ġurnalisti jitwaqqfu milli jagħmlu xogħolhom. Meta kien qed jikkummenta fuq il-Kawżi Strateġiċi kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika (SLAPP), Francis Zammit Dimech qal li din qed isseħħ f’Malta wkoll bil-każijiet tal-bank Pilatus u Henley & Partners, li qed jheddu l-kmamar tal-aħbarijiet sabiex ineħħu l-informazzjoni li dawn ikunu tellgħu fis-siti tagħhom onlajn.

“Bħala Ewropej jeħtieġ li niddefendu l-ġurnalisti u nagħtuhom protezzjoni minn dawn l-forom ta’ attakki, għaliex il-liberta tal-midja hija valur fundamentali Ewropew. Din kienet ukoll waħda mill-kwistjonijiet li tqajjmu mid-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari, minn gruppi politiċi differenti, li żaru Malta f’Diċembru li għadda fejn ipproponew liġijiet li jistgħu jxejnu dawn il-prattiċi abbużivi.

Huwa rrefera għal sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u saħaq li meta l-ġurnalisti u l-whistle-blowers ma jingħatawx il-protezzjoni mistħoqqa, din tħalli effett ikrah mhux biss fuq is-sorsi u l-ġurnalisti imma wkoll fuq is-soċjeta kollha in ġenerali għaliex tintilef il-garanzija tal-livell tal-informazzjoni.

Zammit Dimech ikkonkluda billi appoġġa stqarrijiet li saru minn kollegi Ewroparlamentari oħra dwar il-bżonn li l-ġurnalisti jkunu responsabbli f’xogħolhom u jivverifikaw is-sorsi, u dwar il-ħtieġa li jindirizza l-fake news.

Francis Zammit Dimech huwa wkoll rapporteur tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew dwar il-Pluraliżmu fix-Xandir u l-Liberta tal-Midja fl-Unjoni Ewropea, fil-kumitat responsabbli mill-midja (CULT). Zammit Dimech kien organizza laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-ġurnalisti f’Malta, fejn bir-rispons tagħhom, huwa jista’ jaħdem biex jindirizza d-diffikultajiet u l-isfidi tal-ġurnalisti.