Sport Sport Ieħor

OPEN TAL-AWSTRALJA – Finali bejn Cilic u Federer

Federer

It-tennista Żvizzeru Roger Federer ikkwalifika għall-finali tal-Open tal-Awstralja biex issa jilgħab kontra l-Kroat Marin Cilic. Dan wara li l-avversarju ta’ Federer, Hyeon Chung kellu jirtira minħabba bżieżaq f-saqajh.

Din kienet it-tieni darba f’dawn l-aħħar jiem li tennista kellu jirtira mil-logħba hekk kif tard l-Erbgħa filgħaxija l-istess Marin Cilic kien ikkwalifika għas-semifinali wara li Rafael Nadal kellu jirtira minħabba injury.

Fil-logħba tal-bieraħ Hyeon Chung talab time-out mediku imma wara li rritorna fil-court xorta waħda ma setax ikompli jilgħab kontra Federer li sa dak il-ħin kien qed jiddomina l-konfront. Fil-fatt, hu kien qed jirbaħ 6-1, 5-2 meta Chung irtira.

Fil-finali tal-Ħadd li ġej Federer se jkun qed jipprova jirbaħ l-20 Grand Slam fil-karriera tiegħu u s-sitt titlu tal-Open tal-Awstralja.

Din se tkun is-seba’ darba li Federer se jkun qed jilgħab fil-finali ta’ dan l-Open u se jagħmel dan kontra tennista li fl-2014 kien eliminah mis-semifinali tal-Open tal-Istati Uniti. Dakinhar Cilic kien rebaħ 6-3 6-4 6-4.