Lokali

Rajt Pulizija jħabbtu lil missieri mal-ħajt sakemm qasmulu rasu u ħareġ d-demm – David Pace, raħħal, f’xhieda li ta lill-Pulizija

Niżvelaw xhieda li ta raħħal waqt interrogazzjoni tal-Pulizija wara inċident fil-Biżbiżija f'Diċembru li għadda

“Xħin wasalt jien rajt Isuzu abjad ħiereġ mit-triq u jien tfajt quddiemu biex ma joħroġx mit-triq biex nara x’kien qed jiġri.

“Jien rajt lil xi Pulizija lebsin l-iswed telgħin b’missieri u bdew iħabbtuh mal-ħajt sa ma qasmulu rasu u beda ħiereġ id-demm. Naf li dak il-ħin ippanikkjajt u għedtilhom li dak hu bniedem marid u biex jerħuh.

“Jien tajt żewġ daqqiet fuq il-bonnet tal-vann tiegħi u ħabbat fuq il-windscreen tal-Isuzu u bdejt ngħidilhom biex iħalluh għax missieri hu bniedem marid.

“Dak il-ħin ġie fuqi Pulizija u beda jheddidni u qalli li ħa joqtolni u jagħmel show bija. Daru għalija kollha u bdew jirwuli jdejja u anki bdew jagħtuni fuq dahri u bil-ponn ġo widnejja u bis-sieq kullimkien u jhedduni li se joqtluni, joqtlu lill-familja tiegħu u jkellmuni baxx.”

Din id-dikjarazzjoni xokkanti għamilha David Pace, raħħal minn Tal-Pietà, lill-Pulizija dwar inċident li seħħ f’Diċembru li għadda fl-inħawi tal-Biżbiżija fil-Mosta meta l-Pulizija kienu marru hemmhekk dwar rapport fuq annimali li ma kinux miżmuma tajjeb. L-istorja kienet żvelata fil-ġurnal in-Nazzjon

Interrogat mill-Ispettur Nicholas Vella u mill-Ispettur S. Mifsud, David Pace fl-istqarrija tiegħu beda biex qal li hu raħħal full-time. “Kelli razzett mikri f’Ħaż-Żebbuġ u għalaq iż-żmien tal-kera u s-sid ħadhom lura. Sakemm kont qed nikri kelli applikazzjoni fuq għalqa privata f’Ħal Farruġ iżda l-MEPA ma tatnix permess biex nibni razzett.”

Hu qal li minn Ħaż-Żebbuġ kienu serqulu xi bhejjem, fosthom mogħoż, ngħaġ u baqar.

Sussegwentement hu kompla fl-istqarrija tiegħu li kien beda jaħdem minn għalqa u razzett fl-inħawi tal-Biżbiżija. Madankollu sadattant kellu applikazzjoni oħra għal razzett fl-inħawi tal-Providenza fis-Siġġiewi iżda dwar dan kien għadu bla risposta jekk hux se jingħatalu b’kera jew le.

“Meta jien kont il-Biżbiżija ġew tal-Lands u qaluli li kien hemm xi kont għoli tad-dawl u l-ilma. Imbagħad kienu qaluli biex noħroġ ’il barra u jien irrispondejthom bl-Avukat biex iħaffuli l-applikazzjoni l-oħra u jagħmlu laqgħa miegħi għax ma kellix post fejn immur.

“Jien ma smajt xejn u wara xi żmien reġgħu ġew tal-Lands u qaluli li jien kelli nitlaq minn hemm iżda għalissa nibqa’ hemm imma ma nħalli lil ħadd jidħol għax il-post kien qed jintuża minn persuni għal skop ta’ abbuż mid-droga.

“Kien ġew ukoll tal-Animal Welfare u kienu għamlu spezzjoni u ġibduli l-attenzjoni li kelli xi żwiemel magħlubin, xi klieb mhux iċċippjati u biex nagħlef dry food.

“Jien ippruvajt inħaffef l-affarijiet u mort anki għand NGOs biex inkun nista’ napplika iżda sibt ħafna burokrazija.”

David Pace kompla li darba minnhom irċieva telefonata filgħodu kmieni biex immur il-Biżbiżija “peress li missieri kien qed jagħmel xi storbju magħhom. Jien għedtilhom li dak kien bniedem marid kemm f’saħħtu kif ukoll mentalment.

“Jien mort il-Biżbiżija u xħin wasalt rajt Isuzu abjad ħiereġ mit-triq u jien tfajt quddiemu biex ma joħroġx mit-triq biex nara x’kien se jiġri. Dak il-ħin jien rajt lil xi Pulizija lebsin l-iswed telgħin b’missieri u bdew iħabbtuh mal-ħajt sa ma qasmulu rasu u beda ħiereġ id-demm.

“Naf li dak il-ħin ippanikjajt u għedtilhom li dak hu bniedem marid u tlabthom biex jitilquh.

“Jien tajt żewġ daqqiet fuq il-bonnet tal-vann tiegħi u ħabbat fuq il-windscreen tal-Isuzu u bdejt ngħidilhom biex iħalluh għax dak kien bniedem marid.”

David Pace issokta bl-istqarrija tiegħu li: “Ġie Pulizija fuqi u beda jheddidni u qalli li ħa joqtolni u jagħmel show bija.”

David Pace kompla li hu ma setax iħebb għalihom għax huma kienu ħafna Pulizija. “Imbagħad bdejt naqla’ d-daqqiet, immanettjawni, sabbtuni mal-vann u dan quddiem it-tifel tiegħi ta’ tnax-il sena u ommi anzjana u għaddewna minn trawma għax anki lil ommi qalulha li anki lilha jsawtu.”