Internazzjonali

Stati Uniti: Attur ta’ Disney u t-tfajla tiegħu arrestati għal serq armat

L-attur Adam Hicks, li sar magħruf permezz ta’ produzzjonijiet tal-kumpannija Disney, spiċċa arrestat għal serq armat f’Kalifornja, wara li allegatament hedded b’arma lil żewġ nisa anzjani, meta kellu wkoll lit-tfajla tiegħu bħala kompliċi.

Ir-rapporti semmew każi fejn Hicks, li għandu 25 sena, u t-tfajla tiegħu, Danni Tamburo, kienu javviċinaw lin-nies huma u jippassiġġaw fiz-zona ta’ San Fernando Valley waqt li jippuntawlhom arma tan-nar u jinsistu ‘biex il-vittmi jagħtuhom il-flus, it-telefons ċellulari u oġġetti oħrajn ta’ valur’.

Intant, membri tal-iskwadra SWAT tal-pulizija marru fir-residenza ta’ Hicks u arrestawh fil-pront b’konnessjoni mas-serq armat. Ir-rapporti qalu li Tamburo wkoll inżammet taħt arrest.

L-awtoritajiet tal-liġi qed jgħidu li Hicks kien involut f’talanqas ħames każi ta’ serq armat, bis-sorsi jsostnu li – qabel feġġ dan kollu – l-attur kien spiċċa arrestat darbtejn fl-inħawi ta’ Los Angeles. L-akkużi dwar iż-żewġ reati marbuta mal-arresti f’Los Angeles kienu waqgħu minħabba nuqqas ta’ provi.

Adam Hicks sar magħruf għas-sitcom ta’ Disney bl-isem Zeke and Luther;  kif ukoll għall-produzzjoni għat-televiżjoni Pair of Kings u l-film Lemonade Mouth.