Internazzjonali

Stati Uniti: Ittra misterjuża snin wara l-ħarba minn Alcatraz

Qed jiżdied l-interess dwar ittra misterjuża li, allegatament, inkitbet minn wieħed mit-tliet priġunieri li, fl-1962, irnexxielhom jaħarbu mill-ħabs għas-sigurtà massima ta’ Alcatraz.

Qed jingħad li persuna li identifika ruħu bħala ‘John Anglin’, fl-2013, kien kiteb din l-ittra lill-pulizija ta’ San Francisco, iżda hu biss illum li l-ittra qed issir pubblika.

L-ittra tibda b’messaġġ ‘li kienet qed tinkiteb minn John Anglin li ried jinforma lil kulmin hu interessat li hu u ż-żewġ ħabsin sħabu kienu rnexxielhom jaħarbu minn Alcatraz f’Ġunju tal-1962 u li dan kien irrealizzat biss b’diffikultà kbira’.

It-tliet priġunieri – John u Clarence Anglin u Frank Morris – għadhom sallum imniżżla fuq il-lista tal-Most Wanted ( għall-kriminali) meta hemm ukoll ir-ritratti ta’ kif huma jistgħu qed jidhru llum.

L-ittra saħqet li l-aħwa John u Clarence Anglin u Frank Morris kollha għexu ħajja twila wara l-famuża ħarba mill-ħabs ta’ ħamsin sena ilu. L-awtur tal-ittra jgħid li Clarence Anglin kien miet fl-2008 u li Morris ‘ħalla din id-dinja xi tliet snin qablu’.

Sadanittant, l-awtur tal-ittra misterjuża pprova anki jasal fi ftehim mal-awtoritajiet, fejn kiteb li ‘jekk huma (l-awtoritajiet) iħabbru fuq it-televiżjoni li hu (l-awtur)  ikun iggarantit minn sena biss ta’ priġunerija, u fejn hu jingħata l-attenzjoni medika dovuta, allura jkun lest biex jikteb mill-ġdid u jgħarraf lill-awtoritajiet partikulari dwar il-lokalità eżatta tiegħu.’

L-awtur tal-ittra, imbagħad, jikteb li ‘għandu 83 sena u li qed ibati bil-kanċer’.

Skont l-ittra, John Anglin għex f’Seattle għall-maġġoranza ta’ ħajtu waqt li qatta’ tmien snin f’North Dakota.

Fiż-żmien meta din l-ittra ntbagħtet, l-awtur ( skont ir-rapporti) kien residenti fil-parti t’isfel ta’ Kalifornja.