Iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni Marsaxlokk Brown’s Pharmacy komplew jsaħħu l-iskwadra bl-għan li minbarra li jirbħu l-unuri tal-Ewwel Diviżjoni jippruvaw ikunu preparati biex jirbħu l-play-off u jilagħbu fil-Kampjonat Premier.
Marsaxlokk laħqu ftehim maż-żagħżugħ Matteo Cacici biex jingħaqad magħhom b’kuntratt ta’ erba’ snin. Cacici l-istaġun li għadda kien diġà ma’ Marsaxlokk u skorja tliet gowls fil-kampjonat. Hu kien proprjetà ta’ Neptunes. Marsaxlokk laħqu wkoll ftehim ta’ erba’ snin ma’ Luke Calleja. Hu beda jkun parti mill-iskwadra ta’ Neptunes fl-2015, iżda fl-aħħar żewġ staġuni lagħab ma’ Marsaxlokk fejn b’kollox skorja sitt gowls fil-kampjonat.
Ix-Xlukkajri laħqu ftehim ma’ Bryan Buhagiar biex itawwal il-perjodu tiegħu mal-klabb b’sentejn. Buhagiar ingħaqad ma’ Marsaxlokk fl-2016 fejn kien pedina importanti fit-tim li rritorna għas-suċċessi bi 14-il gowl skorjat fl-istaġun tas-sajf (12-il gowl fil-kampjonat u żewġ gowls fin-knock-out) Is-sena l-oħra Buhagiar naqqas ftit mill-impatt li kellu fit-tim fl-istaġun ta’ qabel, iżda xorta skorja 11-il gowl fil-kampjonat.
Marsaxlokk diġà għamlu diversi akkwisti lejn tmiem is-sena l-oħra. Huma akkwistaw lill-gowlkiper ta’ Sliema Ryan Coleiro, Sean Gravina mingħand Neptunes u lil Matthew Pace u Clyde Bonello li fl-istaġun li għadda lagħbu ma’ Ta’ Xbiex u Marsaskala rispettivament. Huma wkoll akkwistaw is-servizzi ta’ Michael Rizzo mingħand Valletta, lil Otis Zammit b’self u kkonfermaw għal sena oħra lil Claudio Spiteri Debarro.
F’Novembru, Marsaxlokk kienu ħabbru li se jkollhom lill-Ungeriż Norbert Hosnyánszky bħala l-barrani tagħhom għall-istaġun li ġej. Hosnyánszky li għandu 33 sena hu plejer ta’ esperjenza fix-xena internazzjonali fejn rebaħ id-deheb mal-Ungerija fl-Olimpjadi ta’ Beijing fl-2008.
Hu rebaħ ukoll id-deheb fil-Kampjonat tad-Dinja ta’ Barcelona fl-2013 u l-fidda din is-sena f’Budapest. Barra minn hekk, Hosnyánszky ħa sehem f’ħames edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew fejn dejjem spiċċa mal-ewwel tlieta, kif ukoll ħa sehem fil-FINA World League u l-FINA World Cup fejn spiċċa t-tieni fiż-żewġ okkażjonijiet.
//= $special ?>