Lokali

FILMAT: Elf tesserat ġdid mill-ħatra ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-PN – Clyde Puli

Mill-ħatra ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista sa tmiem is-sena 2017 daħlu elf tesserat ġdid mal-Partit Nazzjonalista.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal dan meta kien qed ikun intervistat waqt il-programm Taħditiet fuq Radio 101.

L-istatistika dwar dawn l-elf tesserat hija waħda mill-iktar interessanti… persuni minn inħawi differenti ta’ Malta, iktar nisa milli irġiel u tesserament qawwi miż-żgħażagħ.

“Dan huwa sinjal ta’ vibranza u tiġdid” sostna Clyde Puli li kompla li din il-kampanja ta’ tesserament, flimkien ma’ maratona tajba ħafna f’Diċembru, huma sinjal ta’ kuraġġ kbir għall-Partit Nazzjonalista.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli rrefera ukoll għall-proċess li matulu qed isir kuntatt man-nies li fis-snin li għaddew irrifjutaw it-tessera tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li ħafna kienu sorpriżi kif il-Partit Nazzjonalista kkuntattjahom wara żmien twil. Ir-risposta ta’ Clyde Puli kienet waħda ġenwina u ċara.

“Ċempilna lil dawn in-nies wara dawn is-snin kollha għax aħna jimpurtana minn dawn in-nies. Aħna rridu nisimgħu minn dawn in-nies. Irridu nifhmu għaliex telquna, x’iridu huma, x’iridu jifhmu dwarna.”

Huwa għalhekk, sostna s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li l-partit jinsab għaddej b’dan il-proċess li jqarreb lill-partit lejn in-nies.

Ir-Riforma Elettorali 

Meta fl-istess programm kienet qed tiġi diskussa r-riforma elettorali s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid jassigura li l-elezzjonijiet f’Malta jsiru bl-iktar mod ġust.

Huwa fakkar li l-Gvern qed jipproponi li biex wieħed jivvota jkollu bżonn il-karta tal-identità biss. Madankollu l-Partit Nazzjonalista qed joġġezzjona għal din il-proposta minħabba li ma għandux fiduċja fl-aġenzija ldentity Malta li hija responsabbli mill-Karti tal-Identità u mill-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Għall-kuntrarju, fakkar Clyde Puli, id-diskussjoni fuq l-electronic counting fejn il-voti jingħaddu b’mod elettroniku jinsabu mexjin ġmielhom.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ favur ukoll li persuni li għandhom id-dritt għall-vot u li jaħdmu barra minn Malta jibqa’ jingħatalhom id-dritt li jiġu Malta bi prezz sussidjat biex jivvutaw.