Internazzjonali

Għexieren ta’ maqtula minn ambulanza bomba fl-Afganistan

Ambulanza pakkjata bl-isplussivi ntużat għal attakk suwiċida fiċ-ċentru ta’ Kabul, il-kapitali tal-Afganistan, fejn qatlet talanqas 100 u ħalliet ‘il fuq minn 150 midruba.

L-attakk seħħ viċin bini li kien iservi bħala sit għall-Ministeru tal-Intern u qrib ukoll tal-ambaxxati barranin u l-uffiċini tal-Unjoni Ewropea fil-kapitali. L-aggressuri, membri tal-moviment militanti Iżlamiku tat-Taliban, kienu saqu lill-ambulanza minn checkpoint tal-pulizija fi triq ta’ Kabul li kienet miftuħa biss għall-ħaddiema tal-Gvern.

Ftit wara l-isplużjoni – l-aktar waħda qattiela għal xhur fil-kapitali Afgana – kelliema tat-Taliban ikkuntattjaw lill-awtoritajiet f’Kabul biex jassumu responsabbiltà għall-atroċità, f’isem il-moviment militanti.

L-isplużjoni tal-bieraħ seħħet meta z-zona partikulari kienet mimlija bil-folol. L-awtoritajiet Afgani jemmnu li l-mejtin għandhom jiżdiedu meta numru ta’ feruti li ddaħħlu l-isptar, fl-aħħar sigħat, instabu li kienu f’kundizzjoni kritika.