Rapport: George Cassar
HIBERNIANS………2
GŻIRA U………………0
Hibernians: A. Hogg, R. Soares, A. Agius, M. Kreuzriegler, T. Tabone Desira, C. Failla, B. Kristensen, J. Bezzina, G. Gorozia (D. Vella 75’), J. Degabriele (D. Xuereb 90’). J. Moreira (Jorginho 70’)
Gżira: J. Haber, R. Briffa, C. Gatt Baldacchino (J. Corbolan 60’), D.P. Mambouana, K. Thackray (N. Muscat 85’), Moises, E. Zarate, A. Cohen (L. Brincat 84’), A. Samb, N. Okoye, H. Garba
Skorjaw: C. Failla 5’, J. Moreira 53’ (H)
Imwissija: R. Soares 46’ (H), C. Gatt Baldacchino 59’, A. Samb 64’, K. Thackray 78’ (G)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Assistenti Referees: Duncan Sultana, Dusan Petrovic
Assistenti Referees Addizzjonali: Etienne Mangion, Eman Grech
Il-Mument plejer tal-logħba: Clayton Failla (Hibernians)
Attendenza: 577
Hibernians kisbu tliet punti prezzjużi li permezz tagħhom qabżu lil Floriana fir-raba’ post u telgħu biss żewġ punti taħt l-avversarji tal-bieraħ Gżira United.
Il-partita kienet ikkundizzjonata minn gowl kmieni u ieħor fil-bidu tat-tieni taqsima li ppermettew lill-Pawlisti jikkontrollaw il-partita aħjar u jżommu r-riżultat sal-aħħar biex finalment kisbu rebħa meritata.
Gżira kellhom difiża ċentrali ġdida hekk kif il-kowċ Darren Abdilla ta d-debutt liż-żewġ akkwisti Destin Prince Mambouana u Kris Thackray b’dan tal-aħħar kien diġà lagħab fil-Premier Malti ma’ Qormi.
Hibernians kellhom lil Jackson Lima u Joseph Mbong sospiżi filwaqt li Marcelo Dias kien nieqes ukoll mill-ewwel ħdax. Il-kowċ Mark Miller beda b’formazzjoni li kienet tinkludi seba’ plejers Maltin fejn ta bidu rari wkoll lil Timothy Tabone Desira.
Qabel ma bdiet il-logħba, grupp ta’ partitarji miż-żewġ timijiet ingħaqdu u flimkien mal-captain ta’ Gżira Moises marru joffru bukkett fjuri lill-familjari tal-partitarju Gżirjan Daniel Damato li miet din il-ġimgħa.
Wara biss ħames minuti Hibernians kienu diġà skorjaw. Minn pass bir-ras ta’ Giorgi Gorozia, Clayton FAILLA skurja b’first-timer bix-xellug li għeleb lill-eks Justin Haber b’xutt fil-baxx. Gżira rreaġixxew u qrib in-nofs siegħa kienet inutli l-għajta tal-gowl tal-partitarji tagħhom għax ix-xutt ta’ Ndubisi Okoye laqat biss ix-xibka minn barra.
Qabel għalqet l-ewwel taqsima minn kross ta’ Moises, id-difensur Pawlist Andrei Agius kien puntwali biex antiċipa lil Haruna Garba li kien lest biex ikompli l-ballun għal ġewwa. Hibernians kabbru l-vantaġġ fit-53 minuta meta minn free-kick ta’ Gorozia, Joao MOREIRA għola u skorja bir-ras mill-viċin.
Ftit wara s-siegħa logħob, il-kross ta’ Amadou Samb kien perikoluż, iżda l-gowlkiper Andrew Hogg tajjar il-ballun minn fuq ras Garba. Tal-Pagun setgħu għamlu anki t-tielet gowl meta s-sostitut Jorginho ħarab tajjeb mal-lemin u ta għan-nofs lejn Jurgen Degabriele li l-konkluzjoni tiegħu għaddiet tħakkek mal-wieqfa.
//= $special ?>