Il-protezzjoni lill-whistleblowers għandha tkun amministrata b’mod indipendenti u mhux mill-Gvern.
Iddikjara dan il-membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech fl-indirizz tiegħu lill-Parlament Ewropew fejn qed ikunu proposti emendi għal rapport ta’ kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Affarijiet Legali.
Wara l-emendi, ir-rapport issa jgħaddi għand il-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni biex iservi bħala bażi għal riżoluzzjoni.
L-iskop hu li jkun hemm protezzjoni mifruxa fl-Unjoni Ewropea bi qbil mal-objettivi tal-Unjoni dwar id-demokrazija, il-pluraliżmu u l-libertà tal-espressjoni.
Fid-diskors tiegħu, Francis Zammit Dimech iddikjara li l-whistleblowers għandhom jirċievu l-istess protezzjoni u mingħajr diskriminazzjoni f’kull stat membru.
Kompla li din il-protezzjoni għandha tingħata b’mod adegwat u effettiv lil ħaddiema fis-settur pubbliku u għandha tiġi amministrata b’mod indipendenti mill-Gvern.
Dan wara li iktar kmieni dan ix-xahar, Jonathan Ferris ressaq protest ġudizzjarju fejn ilmenta li d-dipartiment li jieħu ħsieb il-protezzjoni tal-whistleblowers fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru talbu jiżvela dak kollu li jaf qabel jingħata protezzjoni.
Francis Zammit Dimech talab ukoll li l-Kummissjoni Ewropea tinnota ż-żieda ta’ każi fejn kumpaniji qed jiftħu kawżi ta’ danni ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro fil-konfront ta’ kumpaniji tal-midja bl-iskop li jagħlqulhom ħalqhom.
//= $special ?>

