Internazzjonali

Imfakkar Jum l-Olokawst madwar id-dinja

Id-dinja illum fakkret Jum l-Olokawst – li jrodd ġieħ lill-miljuni tal-Lhud massakrati mill-qawwiet Nażisti ta’ Adolf Hitler fit-Tieni Gwerra Dinjija – b’din il-ġurnata tfakkar ukoll fl-anniversarju tal-liberazzjoni tal-kamp tal-mewt Nażista ta’ Auschwitz, fl-1945.

Il-Holocaust Memorial Museum f’Washington, fl-Istati Uniti, laqa’ uffiċjali minn madwar id-dinja biex ifakkru dan il-ġenoċidju, bil-First Lady Amerikana, Melania Trump tkun fost dawk li ħadu sehem fit-tour tal-Mużew. L-Ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea, David O’Sullivan, qal, f’din l-okkażjoni, li l-mużewijiet iddedikati lill-Olokawst huma essenzjali biex il-ġenerazzjonijiet futuri jitgħallmu dwar l-atroċitajiet tal-passat.

Delegazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijeit Uniti, nhar it-Tnejn, għandha tmur f’Washington fejn ukoll se żżur il-Holocaust Museum.

Il-White House tal-Istati Uniti, intant, irrikonoxxa ‘it-tebgħa fuq l-istorja tal-umanità’, bi stqarrija ssemmi, speċifikament, lis-sitt miljun Lhud maqtula min-Nażisti. Dan wara li s-sena l-oħra saret kritika għall-fatt li ma kien hemm l-ebda referenza għal dawn il-vittmi mill-White House.

L-istqarrija inkwistjoni fakkret ukoll ‘is-73 anniversarju mil-liberazzjoni tal-kamp tal-konċentrazzjoni ( Nażista) f’Auschwitz-Birkenau, fil-Polonja’.

Din l-istqarrija kompliet li n-Nażisti qatlu miljuni ta’ Slavi, żingari, persuni bi bżonnijiet speċjali u reliġjużi minbarra li imponiet l-iskjavtu għal miljuni oħra li opponew lil dak ir-reġim brutali.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, qal li, illum, għexieren ta’ snin wara t-Tieni Gwerra, id-dinja qed tara l-persistenza tal-anti-Semitiżmu u żieda fil-forom tal-preġudizzju’. Guterres tenna li d-dinja, li qed tfakkar lis-sitt miljun vittmi Lhud tal-Olokawst, għandha d-dmir li tirreżisti lir-razziżmu u l-vjolenza.

L-Olokawst, jew Shoah, kien tmexxa min-Nażisti bejn l-1941 u l-1945, bil-Memorial Day ikun imfakkar u meqjum fost sensiela ta’ ċerimonji li saru lbieraħ fl-ibliet ewlenin tal-Ewropa u madwar id-dinja. It-tema għal din is-sena bbażat fuq ‘is-saħħa tal-kliem’ bħala parti mill-idea li ‘il-kliem jistgħu jagħmlu differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin’.