Sport Sport Ieħor

Iż-żagħżugħ Julian Mangion jirbaħ f’Rosolini

Julian Mangion (it-tieni mix-xellug) wara r-rebħa li għamel f'Rosolini

L-atleta Malti Julian Mangion rebaħ bout ta’ K1 b’deċiżjoni unanima meta kien qed jirrappreżenta lil Malta fi Sqallija fl-aħħar jiem. Mangion, li għandu 16-il sena u jitħarreġ ma’ Team Noel, ikkompeta waqt is-serata Evolution Fight li ttellgħet f’Rosolini.

Huwa ġġieled bout ta’ K1 li matulha ddomina r-rawnds kollha, u fil-fatt għadda biex rebaħ fuq l-avversarju Taljan b’deċiżjoni unanima tal-ġurija. Minkejja l-età żgħira tiegħu, Mangion diġà għandu rekord ta’ 21 ġlieda, li minnhom tilef tnejn biss.

Fl-istess serata rrappreżenta wkoll lil Malta Justin Pace ta’ 17-il sena.  Pace, li wkoll jitħarreġ ma’ Team Noel, iġġieled bout ta’ K1 kontra avversarju Taljan. Huwa tilef l-ewwel rawnd iżda imbagħad iddomina fit-tieni rawnd.

Il-ġlieda ta’ Pace setgħet faċilment intemmet bi draw, iżda l-ġurija għażlet li trebbaħ lit-Taljan b’deċiżjoni li kienet maqsuma.

Master Noel Mercieca qal li jinsab sodisfatt ħafna bil-prestazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atleti żgħażagħ, u jħares ‘il quddiem biex huma u oħrajn bħalhom ikollhom iżjed opportunitajiet li jikkompetu barra minn xtutna.

Dawk interessati li jingħaqdu għat-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt ma’ Master Noel Mercieca fuq 79208283, iżur is-sit elettroniku www.kickboxing.com.mt/ jew jidħol fil-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.