Iċ-champions Juventus telgħu momentarjament fil-quċċata tas-Serie A wara li għelbu lil Chievo 2-0 fi Stadio Bentegodi, biex issa jistennew il-konfront ta’ Napoli llum. Il-Bianconeri kellhom vantaġġ numeriku wara 37 minuta wara li tkeċċa għal żewġ karti sofor fi ftit ħin Samuel Bastien. Juventus saħansitra spiċċaw jilagħbu kontra disa’ plejers ta’ Chievo fil-61 minuta meta tkeċċa Fabrizio Cacciatore.
Huma fetħu l-iskor fis-67 minuta meta Federico Bernardeschi krossja lura fil-baxx lejn Mario Mandzukic li ħalla l-ballun għal SAMI KHEDIRA, bil-Ġermaniż jegħleb lil Stefano Sorrentino b’xutt b’saħħtu mill-kaxxa. GONZALO HIGUAIN għalaq il-logħba fit-88 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin.
Fil-partita l-oħra, Atalanta kisbu tliet punti importanti meta barra minn darhom għelbu lil Sassuolo 3-0, biex il-Bergamasci telgħu momentarjament fis-seba’ post. ANDREA MASIELLO fetaħ l-iskor man-nofs siegħa logħob meta daħal fuq it-tieni lasta għal kross mix-xellug u skorja f’lasta prattikament vojta.
It-tim ta’ Gasperini rdoppja fit-83 minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa ta’ BRYAN CRISTANTE, biex REMO FREULER għalaq il-logħba tliet minuti wara b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa.
//= $special ?>