Lokali

L-aħħar tislima lill-Isqof Barbara

Fil-Katidral tal-Imdina llum ngħata l-aħħar tislima l-Isqof Malti Emanuel Barbara li miet fil-5 ta’ Jannar li għadda fir-residenza tiegħu fil-Kenja fejn hu kien qed  iservi fid-Djoċesi ta’ Malindi.

Hu ngħata l-aħħar tislima hawn Malta ħamsa u għoxrin ġurnata wara li miet peress li x-xewqa tiegħu kienet li jindifen f’art twelidu.

Qabel ma l-katavru ġie Malta mill-Kenja, hu ngħata ukoll tislima waqt funeral li kien organizzat fuq jumejn mill-komunità fejn kien qed iservi għal diversi snin fil-kontinent Afrikan.

Il-funeral kien ikkonċelebrat mill-Arċisqof Charles J Scicluna flimkien ma’ numru ta’ qassisin oħra. Hu ddeskrivih bħala ambaxxatur ta’ Kristu u ta’ dak kollu li hu glorjuż fil-familja Franġiskana. Hu ta ħajtu sal-mewt bħala Isqof Missjunarju.

Lejlet il-funeral, il-Ġimgħa ġie ċċelebrat l-Għasar tal-Mejtin fil-Knisja tas-Salib imqaddes (tal-Kapuċċini), il-Furjana.