Din l-Art Ħelwa għandha dubji serji dwar il-missjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar wara l-approvazzjoni mgħaġġla ta’ 32 sular tal-Mercury House Tower.
Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa spjegat li l-approvazzjoni ta’ dan l-iżvilupp ingħata spinta qawwija f’inqas minn xahar, fl-assenza tal-master plan għal Paceville, li bħal donnu dan s’issa għadu misteru.
Dan kollu, jindika b’mod ċar li l-Awtorità tal-Ippjanar hija biss entità li sservi ta’ timbru biex tapprova t-torrijiet madwar il-gzejjer Maltin – mingħajr biss ma tieħu konsiderazzjonijiet serji dwar ir-riperkussjonijiet li dawn il-proġetti jaf ikollhom fuq il-komunità, iz-zona u l-iżvilupp li jista’ jkun hemm fl-inħawi fil-ġejjieni.
Din l-Art Ħelwa insistiet li bi 32 sular, din il-binja ser tkun qed tispikka kompletament mal-bqija tal-ambjent urban tal-madwar. Fl-istqarrija ġie spjegat li l-effett ser ikun estrem u ferm negattiv fuq l-infrastruttura sħiħa – kif ukoll fuq l-irħula u l-villaġġi tal-madwar bħal fost oħrajn, Swieqi, Sliema, San Ġiljan u l-Madliena.
Ingħad ukoll li dan il-prezz se jkun qed iħallas għalih il-poplu u mhux l-iżviluppatur.
L-NGO insistiet li l-pajjiż qed jitfarrak minn numru ta’ żviluppaturi mingħajr ebda mistħija ta’ xejn għall-interessi personali tagħhom. Dan filwaqt li l-awtoritajiet m’humiex jiproteġu l-interessi tal-pajjiż, taċ-ċittadini u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>
