Internazzjonali

L-Olanda: Tensjoni f’Amsterdam wara sparatura qattiela

Il-pulizija fl-Olanda qed tfittex numru mhux magħruf ta’ aggressuri wara li nqatel ġuvni fi sparatura li seħħet f’Amsterdam, matul il-lejl tal-Ġimgħa, li ħalliet ukoll żewġ persuni midruba.

L-isparatura qrib playground għat-tfal – fl-inħawi ta’ Grote Wittenburgerstraat, fiċ-ċentru tal-belt – qed titqies li kellha ‘intenzjoni speċifika kriminali’ . Dan meta l-vittma – ġuvni Marokkin ta’ 17 il-sena – jidher li kien ‘immarkat għall-mewt’.

Qed ikun allegat, intant, li żewġ irġiel bil-balaclavas kienu qed ifittxu għall-ġuvni u li sabuh wara tfittxija għalih ġo bini f’dik iz-zona residenzjali. Filwaqt li l-midruba kienu mfissra bħala ‘ġuvni ieħor u tfajla’ ma kienx magħruf eżattament kemm il-persuna kienu involuti fl-inċident.

L-awtoritajiet  eskludew kull possibbiltà ta’ azzjoni terroristika f’dan il-każ. Iżda l-isparatura fl-Olanda nisslet sens ta’ paniku u ansjetà madwar Amsterdam li hi popolari ħafna mat-turisti, waqt li ngħatat prominenza kbira fuq il-mezzi tax-xandir.

Fl-aħħar sigħat saru l-kuntatti ma’ Maltin li kienu għall-btajjel fil-kapitali Olandiża, u fejn huma wieġbu fuq Facebook u l-mezzi oħra li huma kienu qawwijin u sħaħ. Kelliema oħra, intant, indikaw li l-ebda Malti f’Amsterdam ma dehru li spiċċaw ‘fil-post ħażin fil-ħin ħażin’ waqt l-eqqel tad-drama.