Futbol Sport

Liverpool eliminati mill-FA Cup f’Anfield kontra WBA

Ir-Raba’ Rawnd tal-FA ma kienx nieqes mis-sorpriżi, bl-akbar waħda sseħħ f’Anfield meta West Bromwich Albion eliminaw lil Liverpool 3-2.

Ir-Reds kienu fetħu l-iskor wara ħames minuti b’Roberto Firmino jqabbeż fuq Foster wara indeċiżjoni fid-difiża. West Brom ġabu d-draw 68 sekonda minn Jay Rodriguez, biex l-istess plejers poġġa lit-tim tiegħu minn fuq fl-10 minuta meta kompla għal ġewwa kross mix-xellug.

Liverpool kellhom okkażjoni tajba li jġibu d-draw meta ngħataw penalty iżda l-penalty ta’ Firmino stampa mal-mimduda. L-affarijiet komplew ġejjin agħar għal Liverpool meta sofrew it-tielet gowl qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’Joel Matip jonqos li jbiegħed il-periklu minn quddiem il-lasta għal awto-gowl.

Fl-aħħar 20 minuta, Liverpool għafsu biex isalvaw il-logħba biel-gowlkiper Foster isalva diversi drabi. Mohamed Salah ħalla lil Liverpool jittamaw fit-78 minuta wara li skorja b’xutt fil-baxx, iżda ma kienx biżżejjed biex isalvaw il-logħba.