Futbol Sport

Man City jilħqu ftehim biex jakkwistaw lil Laporte

Aymeric Laporte se jkun qed jilgħab fl-Ingilterra għall-ewwel darba

Manchester City laħqu ftehim ma’ Athletic Bilbao biex jakkwistaw lid-difensur Aymeric Laporte. Il-klabb Ingliż jidher li hu kuntent li jħallas il-klawsola ta’ €65 miljun marbuta mal-plejer, biex b’hekk se jkunu qed jiksru r-rekord tal-klabb ta’ madwar €62.5 miljun li kienu ħallsu biex akkwistaw lil Kevin de Bruyne fl-2015.

Id-diskussjonijiet bejn il-partijiet konċernati kienu bdew fil-bidu tal-ġimgħa dwar possibbiltà li l-plejer ta’ 23 sena jibdel il-klabb. Laporte li lagħab 19-il darba ma’ Athletic Bilbao dan l-istaġun, ma kienx inkluż fl-iskwadra kontra Eibar il-Ġimgħa.

Pep Guardiola rrifjuta li jwieġeb meta mistoqsi fuq Lapore, iżda jidher li Manchester City ikkonvinċew lit-tim Spanjol biex iċedi l-plejer Franċiż. “Kien hemm plejers fil-passat li konna interessati fihom, se nibqgħu issa u anki fil-futur. Jien dejjem nipprova nagħmel l-aħjar għall-klabb, inkun naf il-plejers li għandna kif ukoll plejers li jistgħu jtejbu l-iskwadra,” kien qal Guardiola.

Laporte fil-passat kien irrifjuta trasferiment mal-leaders tal-Premier League fl-2016, iżda Manchester City baqgħu dejjem interessati fid-difensur.