Rapport: George Cassar
TARXIEN R…………..0
MOSTA………………….1
Tarxien: A. Cassar, A. Scicluna, S. Radovanovic, E. Baker, L. Grech, M. Spiteri (S. Cipriott 68’), A. Agius, M. Desira Buttigieg (Wellington 65’), J. Brincat (M. Brincat 76’), S. Tounkara, M. Dieye
Mosta: A. Vella, I. Maric, T. Veronese, D. Mansi, T. Farrugia, K. Magro (N. Frendo 83’), M. Sammartino, R. Ekani, Leozinho, J. Tanti (K. Frendo 69’), A. Wendel (L. Portelli 89’)
Skorja: D. Mansi 45’ (M)
Imwissija: D. Mansi 54’, A. Vella 85’ (M)
Referee: Darryl Agius
Assistenti Referees: Edward Spiteri, Thomas Debono
Il-Mument Plejer tal-logħba: Thomas Veronese (Mosta)
Gowl ta’ Davide Mansi fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima kkundannat lil Tarxien Rainbows għall-ħames telfa konsekuttiva, erbgħa fil-kampjonat u waħda fl-FA Trophy. Il-partita kienet waħda bilanċjata biż-żewġ naħat ikollhom mumenti tajbin u kien biss il-gowl li firidhom.
Għal Mosta ddebutta t-Taljan ta’ 22 sena Massimo Sammartino li kien attiv f’nofs il-grawnd li dan l-aħħar iddgħajjef xi ftit bit-tluq ta’ Edison Zarate iktar kmieni dan ix-xahar. Fit-tieni taqsima kien hemm debutt fuq in-naħa l-oħra wkoll tal-Brażiljan Wellington li iżda ftit li xejn involva ruħu fl-attakk Tarxiniż.
Thomas Veronese reġa’ kien l-aħjar plejer għal Mosta u kompla wera kemm hu plejer komplet li kapaċi jkun effettiv biex jiddefendi u jattakka fuq il-faxxa xellugija. L-interess fih minn klabbs oħra tal-Premier huwa żgur ġustifikat u wieħed irid jara kemm Mosta se jkun kapaċi jżommuh sa nhar l-Erbgħa meta jagħlaq is-suq tat-trasferimenti.
Tarxien kellhom jgħaddu mingħajr it-tliet plejers sospiżi Tony Mitrev, Eduard Calin u l-aħjar skorer tagħhom Ricardo Faria, filwaqt li Mosta kellhom ukoll sospiżi liż-żgħażagħ Zach Brincat u Dexter Xuereb.
James Brincat kellu waħda mill-aħjar partiti tiegħu kemm ilu jilbes il-flokk ta’ Tarxien inċidentalment kontra l-ekstim, iżda weġġa’ fl-aħħar kwarta u ma kompliex il-partita sal-aħħar. Kien minn azzjoni tiegħu li Tarxien resqu qrib viċin l-erbgħin minuta meta l-free-kick kien imblukkat, b’Matar Dieye jitfa’ r-rebound barra mill-viċin.
Mosta skorjaw il-gowl tal-vantaġġ qabel is-suffara ta’ tmiem l-ewwel taqsima. Minn korner ta’ Thomas Veronese, Davide MANSI antiċipa lil Stefan Radovanovic u skorja bir-ras.
L-iktar darba li Tarxien resqu qrib li jilħqu lill-avversarji kien mas-siegħa logħob meta x-xutt ta’ Matthew Spiteri kien devjat għal ġol-lasta minn Matar Dieye iżda l-ballun kien imwaqqaf mil-lasta.
Ftit wara James Brincat ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Andreas Vella iżda l-gowlkiper Mosti ħareġ idu fil-ħin u laqa’ ferm tajjeb b’Tyrone Farrugia jtajjar f’korner qabel kien se jilħaq Dieye
B’dawn it-tliet punti Mosta komplew jitbiegħdu iktar mill-periklu, filwaqt li Tarxien tilfu l-ewwel test minn tliet konfronti diretti li għandhom wara xulxin hekk kif fil-ġimagħtejn li ġejjin se jilagħbu kontra Senglea Athletic u Naxxar Lions.
//= $special ?>