Lokali

“Vuċi waħda magħquda biex niġġieldu għal Malta flimkien” – Adrian Delia, Kap tal-PN

“L-Oppożizzjoni se tkun vuċi waħda, soda u magħquda biex niġġieldu għal Malta flimkien”. Dan saħqu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia  meta kien qed jindirizza l-attività politika il-Ħadd filgħodu fil-Mellieħa.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq mozzjoni fil-Parlament biex l-art fiż-Żonqor tingħata lura lill-poplu Malti.

Il-Kap tal-PN sostna li f’dan id-deal, il-Gvern Laburista se jġib lill-Ġordaniżi sabiex jagħżlu art verġni u jibnu appartamenti għal spekulazzjoni. Il-Kap tal-PN giddeb ukoll dak li kien ħabbar il-Gvern li fl-Università se jkun hemm 4,000 student meta llum nafu li hemm biss 15-il student.

Meta kien qed jitkellem fuq l-aħħar żviluppi fil-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, Adrian Delia rrefera għal dak li qal il-Ministru Chris Fearne li l-kumpanija Stewards Health Care hija l-veru kumpanija bil-Kap tal-PN jisħaq li l-kumpanija Vitals kienet biss kumpanija velu biex numru ta’ nies jieħdu l-miljuni.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia giddeb id-dikjarazzjoni tal-Ministru Owen Bonnici fil-Parlament Ewropew li għal Adrian Delia f’pajjiżna teżisti s-saltna tad-dritt. Il-Kap tal-PN fakkar li l-Oppożizzjoni ilha x-xhur tgħid li m’aħniex ngħixu f’pajjiż normali.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-esperjenza tiegħu viċin familji  li jgħixu f’postijiet fejn hemm toroq li ilhom imwiegħda li se jsir xogħol fuqhom fosthom f’Marsaxlokk fejn saħansitra s-Sindku Laburista kellu jikteb lill-Prim Ministru biex isir ix-xogħol f’din it-triq mimlija periklu viċin l-iskola fil-lokalità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-PN ħadem fl-għelieqi – għelieqi li wara s-snin taw il-frott. Illum il-Gvern Laburista qata dak il-frott u qed jitħanżer bih.  Dak kollu li għal snin twal ħadmu għalih Gvernijiet Nazzjonalisti fi ftit snin qed jinħatt minn Gvern Laburista li jrid jaħtaf kemm jista’.