Internazzjonali

Evakwati minn Pariġi minħabba l-għargħar

Madwar 1,500 persuna kienu evakwati mid-djar tagħhom f’Pariġi, hekk kif il-livell tal-ilma tax-Xmara Seine kompla jiżdied.
Il-livell tal-ilma tas-Seine kien mistenni li jilħaq il-qofol tiegħu tard il-Ħadd filgħaxija jew kmieni t-Tnejn filgħodu.
L-ilma diġà far għal fuq it-toroq f’Pariġi tul is-Seine u wassal biex il-Mużew tal-Louvre jagħlaq il-wirja li kellu fil-livelli taħt l-art dwar l-arti Iżlamika. Il-laneċ Bateaux Mouches, li jġorru t-turisti, ukoll twaqqfu minħabba l-livell għoli tal-ilma li wasal f’tali punt li dawn ma jistgħux jgħaddu minn taħt il-pontijiet.
Iż-żieda fil-livell tal-ilma wassal ukoll biex tiżviluppa problema ġdida, dik tal-ġrieden. Dan hekk kif dawn kellhom jaħarbu mill-mini u pajpijiet taħt l-art li sfaw mimlija ilma u qed ifittxu kenn fit-toroq u djar ta’ Pariġi.